Futbol Lokali

ESKLUSSIVA: Ifeġġ it-tieni plejer li qed jagħmel akkużi fil-konfront ta’ Devis Mangia

Net News jista’ jikkonferma li fl-aħħar sigħat resaq ‘il quddiem plejer ieħor li qed jallega kompartament abbuziv minn naħa tal-kowċ nazzjonali Devis Mangia. Dan wara l-każ serjissimu li feġġ ilbieraħ, u li tista’ tgħid ixxokja d-dinja tal-futbol lokali.

S’issa l-isem ta’ dan it-tieni plejer tan-nazzjonal ukoll għadu mhux magħruf, għalkemm jidher li l-każ huwa simili ferm fin-natura tiegħu għal dak li ġie żvelat ilbieraħ.

Kien il-programm REPLAY illi żvela li l-ewwel plejer li għamel kuraġġ sabiex jitkellem dwar dak li għadda minnu , kien parti mill-kontinġent Malti fl-Estonja.

S’issa, għadu mhux ċar jekk dawn l-allegazzjonijiet – li huma ta’ natura serja – ġewx riferuti lill-Pulizija. Mistoqsijiet mibgħuta lill-Korp baqgħu mhux imwieġba.

Din mhix l-ewwel darba li Mangia kien f’kontroversja dwar allegazzjonijiet simili, b’diversi rapporti li dehru tul is-snin fil-media internazzjonali. U issa, fil-konfront tiegħu għandu żewġ każi li ressqu ‘l quddiem plejers Maltin tan-nazzjonali.

F’kummenti lil Net News, il-preżentatur ta’ REPLAY Christian Micallef spjega li l-każ kien ilu jissemma’ fiċ-ċrieki tat-tim nazzjonali Malti sa mit-Tnejn wara nofsinhar. U l-MFA mal-ewwel ħadet azzjoni. Illum, il-Bord Eżekuttiv tal-MFA se jkun qed jiltaqa’ b’mod urġenti.

“Il-każ jidher li seħħ aktar minn sena ilu u allegatament hemm recordings li huma evidenza ta’ dak li ġara”, qal Micallef lil Net News. “Dan hu każ li xxokja lil kulħadd”.