Futbol Sport

Ikkonfermata s-sospensjoni ta’ Devis Mangia….l-investigazzjonijiet jibqgħu għaddejjin

Ftit tal-minuti ilu ġiet fi tmiemha l-Laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Malta Football Association li matulha kienu diskussi l-aħħar żviluppi b’rabta mal-investigazzjoni li qed issir fil-konfront tal-kowċ nazzjonali Devis Mangia.

Il-paġna ta’ Facebook tal-programm Replay żvela li l-laqgħa kienet waħda kordjali ħafna, li matulha kien deċiż li jkun hemm perjodu ta’ tliet ġimgħat li fi tmiemu l-Kumitat Eżekuttiv għandu jirċievi r-rakkomandazzjonijiet dwar x’azzjoni għandha tittieħed.

Sadattant, waqt li jkomplu l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ allegazzjonijiet li saru minn żewġ plejers fil-kontront ta’ Devis Mangia, dan tal-aħħar se jibqa’ sospiż mill-kariga waqt li jirċievi nofs il-paga tiegħu.

Matul il-laqgħa tal-Eżekuttiv li saret illum, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo ta spjegazzjoni dettaljata dwar id-due diligence li sar qabel ġie ngaġġat Devis Mangia bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti.

Informazzjoni li ukoll kienet irrapurtata minn Replay tindika li d-due diligence kienet tinkludi laqgħat li Vassallo kellu b’mod personali mal-kuntatti internazzjonali tiegħu, fosthom uffiċjali għolja ħafna impjegati ta’ Covergiano u l-FIGC fl-Italja, kif ukoll fi ħdan il-Federazzjoni tal-Futbol Rumena.

Mangia kkowċja kemm fl-Italja u fir-Rumanija qabel il-wasla tiegħu f’Malta, żewġ pajjiżi fejn ukoll kien hemm xnigħat u allegazzjonijiet li hemm ukoll seta’ wettaq atti simili għal dawk li qed ikunu allegati f’Malta.