Gazzetti Lokali Qorti

Il-Gvern se jressaq 3 abbozzi dwar il-ġurnalisti bl-għaġla mingħajr konsultazzjoni pubblika

Wara li l-ġimgħa l-oħra, aktar minn 100 professjonist talbu lill-Gvern jippubblika l-konklużjonijiet tar-rapport li kumitat ta’ esperti dwar il-qagħda tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna, il-Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard, l-Erbgħa waranofsinhar sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet ta’ malajr biex iħabbar 3 abbozzi ta’ liġi dwar il-protezzjoni ta’ liġi. Dan mingħajr ma għamel konsultazzjoni pubblika.

Il-Ministru Attard kien evażiv meta kien mistoqsi għal darba, tnejn, tlieta dwar l-aspett ta’ konsultazzjoni pubblika elenkat kemm mill-ġenituri ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll minn għexieren ta’ ġurnalisti u edituri … u baqa’ jinħeba wara l-fatt li l-kumitat tal-esperti ikkonsulta mal-Istitut tal-Ġurnalisti, mal-familja Caruana Galizia u organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-abbozzi li se jkun qed iressaq il-Gvern mingħajr konsultazzjoni pubblika huma:

  1. L-Att sabiex jipprovdi għat-twaqqif ta’ kumitat li jagħti rakomandazzjoni ta’ miżuri għall-ħarsien ta’ ġurnalisti, persuni oħra b’irwol fil-media u fil-ħajja pubblika
  2. L-Att li se jemendi diversi liġijiet sabiex isaħħaħ il-protezzjoni tal-media u l-ġurnalisti
  3. L-Att li jipproponi numru ta’ emendi kostituzzjonali bil-għan li tissaħħaħ id-dritt tal-libertà tal-espressjoni, id-dritt tal-privatezza u l-libertà tal-media

Għadd ta’ ġurnalisti staqsew lill-Ministru jekk l-attitudni ta’ diversi Ministeri u tal-Prim Ministru fil-konfront tal-ġurnalisti hux se tinbidel fid-dawl li taħt Gvern Laburista, il-ġurnalisti sfaw imsakkra f’kamra f’Kastilja waqt konferenza tal-aħbarijiet, spiċċaw b’wiċċhom fuq billboards politiċi u suġġetti għall-attakki u insulti ta’ persuni li jakkumpannjaw il-Ministri waqt xi coverage.

U dwar il-fatt li l-Prim Ministru qed jinħeba mill-media indipendenti biex ipoġġi bil-qiegħda magħhom għall-intervisti one-to-one, Jonathan Attard qal li ma jimmaġinax xenarju mod ieħor.

Minkejja li l-Prim Ministru jwieġeb xi mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara xi attività, huwa fatt magħruf li Robert Abela ilu xhur jekk mhux snin ma jaffaċċja ġurnalist f’intervista twila għajr fuq ix-xandir tal-Istat u s-Super One.

Apparti minn hekk…. f’Jannar li għadda l-Gvern ivvota kontra l-liġijiet tal-Partit Nazzjonalista li jipproteġu l-ġurnalisti. Iżda issa, il-Gvern kien kostrett jaddotta għadd ta’ proposti tal-Oppożizzjoni, fosthom li l-media u l-ġurnaliżmu jiġu ddikkjarati bħala r-4 pilastru tad-demokrazija fil-Kostituzzjoni, kif ukoll xi dispożizzjonijiet anti-SLAPP.