Lokali

“Jekk ma tgħaddix lil dan, trid twieġeb int lill-Ministru”

Il-fatti li qed johorgu fil-Qorti dwar Transport Malta huma skandaluzi; b’xiehda jghidu taħt gurament kif kien ikollhom pressjoni mill-Ministri biex jghaddu lil certu persuni mill-ezami tal-licenzja tal-karozza.

Wiehed mill-eżaminaturi tas-sewqan iddeskriva kif direttur ta’ Transport Malta kien jgħidlu biex jgħin lil ċerti kandidati jgħaddu mit-testijiet tas-sewqan tagħhom għax kienu “tal-Ministru”. U kien hemm mumenti fejn kien jiġi mhedded bit-tkeċċija mill-impieg jekk ma joqgħodx ma dak li jgħidlu.

Quddiem il-maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni ta’ provi kontra d-direttur ta’ Transport Malta Clint Mansueto, l-eks kunsillier Laburista ta’ Ħaż-Żebbuġ Philip Edrick Zammit u Raul Antonio Pace.

It-tliet irġiel qed iwieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ korruzzjoni u ‘trading in influence’.

It-Tlieta intalab biex jixhed l-eżaminatur tat-testijiet tas-sewqan Roderick Cavallo; iżda mhux qabel ma l-avukat tiegħu kiseb dikjarazzjoni bil-miktub mill-prosekuzzjoni li tgħid li mhu se jittieħdu ebda proċeduri kriminali kontra Cavallo b’rabta ma’ dan il-każ.

Cavallo qal lill-Qorti li kien ilu eżaminatur fi Transport Malta għal aktar minn ħames snin, sa mill-2017. Huwa indika lil Mansueto li kien l-imgħallem dirett tiegħu, iżda qal li għaraf ukoll lit-tnejn l-oħra.

Ix-xhud spjega kif hu kien jigi avvicinat biex jiehu hsieb certu persuni li jpoggu ghat-test tal-karozza…ghaliex il-persuna ikun wieħed tal-Ministru. L-istruzzjonijiet ikunu jew verbali jew miktuba fuq id-dokumenti, qal ix-xhud, filwaqt li spjega li jekk il-ħin tat-test kien indikat fuq id-dokumenti tat-test, huwa kellu jiżgura li l-kandidat jgħaddi.

Hu spjega li filgħodu, kien jingħata pakkett ta’ dokumenti lill-eżaminatur. U jekk ikun imniżżel ħin …kien ifisser li dawk kienu “tal ministru,” qal ix-xhud.

“Kont taħt pressjoni” qal Roderick Cavallo.

U spjega kif uħud mill-kandidati ma kinux jafu lanqas jaqraw.

F’każ partikolari….Mansueto kien qallu: “jekk ma tgħaddix lil dan il-ġuvni, int trid twieġeb lill-ministru.”

Fi tmiem is-seduta l-maġistrat Rachel Montebello ddeċidiet li kien hemm biżżejjed provi biex l-akkużati kollha jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża, u ddifferiet il-każ għal Novembru.