Lokali

Il-Labour jikkonferma l-bżonn tal-kawża li nieda l-Partit Nazzjonalista

B’dak li qalet dalgħodu, il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli kkonfermat il-bżonn tal-kawża kollettiva li nieda l-Partit Nazzjonalista biex in-nies jieħdu lura l-flus li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut u l-Kelliem għall-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Ryan Callus spjegaw kif il-Ministru reġgħet irrepetiet dak li ilha tgħid sena, jiġifieri li l-Gvern se jkun qed jikkoreġi dan is-serq b’effett mill-1 ta’ Jannar li għadda biss. Madankollu, hi la qalet kif u lanqas meta.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota kif il-Ministru Dalli kkonfermat li din is-serqa qed tiġri kif ikkonfermat il-Qorti, kif ikkonferma l-Awditur Ġenerali, kif ikkonerma l-eks Prim Minstru Joseph Muscat snin ilu u kif ikkonferma l-Partit Nazzjonalista stess bl-eżerċizzju li wettaq. Madankollu, hi reġgħet tenniet li n-nies mhux se jkunu qed jieħdu lura dak li nsterqulhom fis-snin li għaddew.

Barra minhekk, il-Ministru għadha qed tirrepeti wkoll il-gidba li din is-sistema hi frott tibdil legali li sar fl-2009. Iżda din il-gidba ġiet imxejjna mill-Qorti, li fis-sentenza tagħha ddikjarat li s-sistema nnifisha hi illegali u allura, tmur kontra din l-istess Liġi. Dan ifisser li hi s-sistema li qed tikser il-Liġi u tikkawża s-serq u mhux il-Liġi, kif qed tipprova tinsinwa l-Ministru biex tipprova tiżgwida li s-serqa fil-verità ilha għaddejja mill-2014.

Il-kelliema sostnew li l-unika alternattiva li għandhom in-nies biex jieħdu flushom lura hi li jissieħbu fil-kawża kollettiva li nieda l-Partit Nazzjonalista u li, permezz tagħha, il-Partit se jkun qed jitlob lill-Qorti tordna li l-flus misruqin jitħallsu kollha lura. Kulmin jixtieq, jista’ jissieħeb f’din il-kawża mis-sit elettroniku kontijiet.com.

Barra minhekk, il-Maltin ta’ kull fehma politika kienu mħeġġin jipparteċipaw fil-Protesta Nazzjonali tal-Ħadd li ġej biex insemmgħu leħinhom, mhux biss dwar is-serqa fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iżda anke dwar is-serqa mill-kwalità tal-ħajja bit-tnaqqis ta’ spazji miftuħa, iż-żieda fil-korruzzjoni, in-nuqqas ta’ sigurtà, l-isptarijiet pubbliċi mgħoddijin lill-privat, id-dewmien fi proġetti infrastrutturali, il-ħolqien tat-traffiku u t-tberbiq tat-taxxi.