Internazzjonali

L-Arabja Sawdija: Il-Prinċep Salman jinħatar Prim Ministru u jkompli jżid il-poter

Il-Prinċep Mohammed bin Salman inħatar Prim Ministru tal-Arabja Sawdija biex b’hekk assuma rwol li sa ftit ilu kien f’idejn missieru, ir-Re Salman bin Abdulaziz, li għandu jkompli jmexxi xorta l-laqgħat tal-Kabinett li jkun jista’ jattendi.

Mohammed bin Salman, li għandu 37 sena, diġà qed jitqies bħala l-mexxej ‘de facto’ ta’ pajjiżu – bid-digriet li kkonfermah bħala Prim Ministru u Ministru tad-Difiża jsir bħala ‘eċċezzjoni għal-liġi bażika tal-Arabja Sawdija’.

Fil-fatt, ir-Re Sawdi, li din is-sena kellu jidħol darbtejn l-isptar, qed jafda dejjem aktar karigi lill-ibnu.

Fil-verità, il-Prinċep Salman diġà qed imexxi kuljum l-entitajiet eżekuttivi tal-Istat u bir-rwol ġdid ta’ Prim Ministru qed jaqa’ f’dan il-kuntest.

Id-digriet anki kkonferma r-rwoli għall-ulied l-oħra tar-Re Salman. Dan meta l-Prinċep  Khalid bin Salman se jkun il-Ministru tad-Difiża l-ġdid waqt li l-Prinċep  Abdulaziz bin Salman se jkompli bħala Ministru tal-Enerġija f’dan il-pajjiż li hu l-akbar esportatur taż-żejt fid-dinja.