Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ansjetà dwar uragan li kapaċi ‘ikisser lil Florida’

Miljuni ta’ residenti fi Florida qed iħejju għal urugan bil-kapaċità li jiġġenera l-mewt u l-istraġi — tant li jista’ jibdel ir-reġjuni li jolqot b’mod li ma jibqgħux jintgħarfu.

L-elementi tal-Uragan Ian kapaċi jkunu tassew katastrotiċi, bil-komunitajiet fi Florida qegħdin jistennew maltemp fit-tul, għargħar u irwiefen kontinwi  waqt li l-uragan jintensifika u jilħaq il-qilla ta’ kategorija 4.

L-Uragan Ian diġà għadda mill-Punent ta’ Kuba u kien mistenni li jolqot Florida matul il-lejl. Sadanittant, il-maltemp tal-aħħar sigħat kien qed itella’ l-irwiefen b’veloċità ta’ kważi 250 kilometru fis-siegħa waqt li kien qed javviċina r-reġjun ta’ Tampa Bay.

Dik iz-zona hi fost l-aktar postijiet vulnerabbli għall-għargħar fl-Istati Uniti u f’każ li l-uragan ikompli bid-direzzjoni li qabad, ir-reġjun ta’ Tampa Bay irid bilfors intlaqat mill-ewwel maltemp ta’ dan it-tip miż-żmenijiet tal-uragan storiku tal-1921.