Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Possibbiltà kbira ta’ sanzjonijiet ġodda għar-Russja wara l-votazzjoni ‘illegali’ fl-artijiet Ukreni

L-Unjoni Ewropea qed tagħmilha ċara li se jkun hemm ‘il-konsegwenzi’ għar-referendums illegali li għalqu f’nofs il-ġimgħa fl-artijiet tal-Ukrajna okkupati mir-Russi.

Il-votazzjonijiet qanqlu kundanna assoluta mill-Istati Ewropej flimkien mal-Istati Uniti. Dawn il-pajjiżi  qed iqisu l-eżerċizzji bħala illeġittimi kif ukoll bħala ‘parti minn pjan tar-Russja biex taħtaf aktar artijiet tal-Ukrajna bħal fil-każ tal-penisola tal-Krimea, fl-2014.’

L-aħħar jiem ta’ votazzjoni seħħew fir-reġjuni ta’ Luhansk, Donetsk, Kherson u Zaporizhzhia, b’kollox jindika li l-President Russu Vladimir Putin għandu jħabbar li r-reġjuni, ‘il quddiem, se jkunu parti minn pajjiżu….Żvilupp li bl-ebda mod mhu se jkun aċċettat mill-Gvern tal-Ukrajna u l-Punent.

Sadanittant, il-mexxejja fl-erba’ reġjuni Ukreni okkupati qed jgħidu li l-voti mitfugħin urew li l-maġġoranza assoluta tar-residenti jridu li t-territorji tagħhom isiru parti mir-Russja. Dan waqt li ssemmiet iċ-ċifra ta’ ’99 fil-mija favur fost il-votanti f’dawn ir-reġjuni’.

L-istess mexxejja, intant, huma magħrufa bħala sostenituri kbar ta’ Moska u tal-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tal-Kremlin li issa qed tavviċina t-tmien xhur.

Rapporti miz-zoni Ukreni taħt okkupazzjoni Russa qalu, fl-aħħar sigħat, li s-suldati kienu qegħdin iduru bieb, bieb biex jaċċertaw li r-residenti jivvutaw fl-eżerċizzju illegali.

Fl-aħħar sigħat ukoll, Leonid Pasechnik, il-mexxej tar-reġjun separatista ta’ Luhansk, talab biex Vladimir Putin ‘ifittex jiddikjara dan ir-reġjun bħala estensjoni tar-Russja’ filwaqt li qal li l-poplu fl-inħawi ‘ma ħalla l-ebda dubju dwar l-għażliet tiegħu għall-futur’.

L:-istess appell sar ftit wara mingħand Vladimir Saldo, il-mexxej tar-reġjun ta’ Kherson u li wkoll hu alleat kbir ta’ Moska.