Lokali

Qassis investigat mill-Pulizija fuq allegat serq ta’ relikwa minn Knisja fl-Isla

Saċerdot qiegħed jiġi investigat fuq allegat serqa ta’ reliwka li seħħet nhar is-Sibt li għadda mill-Knisja Sależjana tal-Madonna ta’ Porto Salvo, magħrufa aħjar bħala l-Knisja ta’ San Filippu, l-Isla.

Dun Andrew Borg allegatament seraq berettin tal-ħarir mis-Sagristija tal-Knisja wara funzjoni fl-istess Knisja, berettin li huwa meqjus bħala relikwa ta’ San Filippu Neri, qaddis li twieled fis-seklu 16 f’Firenze u kien ikkanonizzat fl-1622.

Il-berettin allegatament instab fil-karozza tas-saċerdot ftit wara li ttieħed minn postu, bil-Pulizija ġew infurmati bil-każ, fetħu investigazzjoni u sejħu Dun Andrew Borg għal aktar stħarriġ.

Din l-istorja ġiet żvelata mit-Times of Malta, bil-Kurja tissospendi lill-qassis immedjatament sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet kollha.

Il-berettin, li jmur lura għall-bidu tas-seklu 20, kien esebit f’kaxxa tal-ħġieġ u jidher li Borg telaq bih f’basket, qiegħda fil-karozza biex mar jiekol ma’ grupp ta’ nies li kienu għadhom kif attendew il-funzjoni.

Individwu induna li dan il-berettin naqas mis-Sagristija u avża lis-Sależjani dwar li kien ġara. Fl-istess waqt, sorsi għas-sit timesofmalta.com qalu li l-berettin instab fil-karozza ftit wara u kien għalhekk li ddaħħal rapport lill-Pulizija.

L-Arċidjoċesi qalet li Dun Andrew Borg qiegħed fuq leave amministrattiv u l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu assuma l-irwol ta’ Rettur tas-Santwarju tal-Madonna tas-Samra fil-Ħamrun minflok is-saċerdot.

Dan il-berettin jitqies bħala relikwa għaliex kien f’kuntatt mal-korp tal-qaddis jew ma’ oġġetti u ħwejjeġ li kien jippossjedi San Filippu Neri.

Din mhix l-unika relikwa tal-qaddis fil-Knisja ta’ San Filuppu għaliex il-Knisja tippossjedi maskra tax-xemgħa li ttieħdet minn fuq wiċċ il-korp tal-qaddis ftit wara li miet.