Lokali

Robert Abela jgħid li f’New York “Konna f’lukanda modesta”

Minn mindu l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana beda jinsisti li l-Gvern tal-Labour irid inaqqas in-nefqa tiegħu…b’xejn inqas minn €200 miljun – l-ewwel lok fejn beda jqaċċat  kien mill-budget tal-Università ta’ Malta.

Madanakollu fl-aħħar jiem qamu bosta domandi dwar l-attitudni tal-Gvern fl-isparpaljar tal-flus minn but il-familji Maltin u Għawdxin. Dan hekk kif minkejja d-diskors ta’ ssikkar taċ-ċintorin u l-fatt li l-Gvern għandu jżomm l-għaqal fin-nefqa tal-flejjes mit-taxxi tal-poplu…il-Prim Ministru Robert Abela nefaq mill-inqas €140,000 għal delegazzjoni ta’ 30 persuna fi New York.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lil Robert Abela dwar din l-istorja żvelata mill-ġurnal Times of Malta…b’Abela filwaqt li attakka lill-istess ġurnal, saħaq li n-numru ta’ persuni li kienu qed jakkumpanjawh kien wieħed żbaljat.

Dan għaliex f’dan il-każ ma għoddx in-nies li kellhom magħhom il-Ministru Ian Borg u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne…ukoll mħallsin mit-taxxi tal-poplu…iżda insista li miegħu kellu biss 17-il persuna; li qalilna li qgħadu  f’lukanda modesta.

Mistoqsi mit-Times of Malta min ħallas għas-safra tal-mara tiegħu, Lydia Abela..u bintu, Robert Abela insista li l-martu kellha rwol importanti matul din iż-żjara f’New York.

Madanakollu għażel li ma jweġibx  għat-tieni darba dwar jekk l-ispiża ta’ bintu tħallsitx mit-taxxi tal-poplu jew le. U minflok elenka kemm-il darba se jkun qiegħed jivvjaġa fil-jiem li ġejjin.

Intant, b’rabta mas-suċċessur ta’ George Hyzler bħala Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Robert Abela ammetta li kien qiegħed ikaxkar saqajh sakemm dan spicca mill-kariga. Minkejja li l-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech diġà ssuġġerilu aktar minn isem wieħed.