Lokali

“Semmgħu leħinkom biex jerġa’ jkollna kwalità ta’ ħajja xierqa”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kompla jwassal l-appell tiegħu biex il-poplu Malti jattendi bi ħġaru għall-Protesta Nazzjonali fil-Belt nhar il-Ħadd li ġej fit-3pm; dimostrazzjoni li se ssir kontra t-tnaqqir tal-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

“Il-poplu Malti mxennaq għall-kwalità ta‘ ħajja aktar dinjituża u għalhekk inħeġġukom tingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħadd quddiem il-Parlament fit-3pm biex twasslu messaġġ ċar lill-Gvern.”

Dan kien l-appell tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt attività soċjali fid-Dar Ċentrali l-Erbgħa filgħodu li fiha ħeġġeġ lil dawk preżenti jġibu magħhom lill-qraba, ħbieb u nies oħra sabiex il-Gvern jifhem li ma jistax jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd.

Ritratt: Martin Agius

Il-Gvern bl-ebda mod mhu qed jintervjeni sabiex irażżan it-tnawwir tal-kwalità tal-ħajja, stqarr Bernard Grech…. anzi, qiegħed jippermetti li dan kollu jibqa’ għaddej b’mod flagranti.

Hu spjega li l-anzjani saħansitra qegħdin jinsterqu doppjament bil-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma mill-ARMS, bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Maltin jingħaqdu miegħu fil-kawża li se ssir fil-Qorti bil-għan li jintraddu lura l-flus li qed jinsterqu.

Ritratt: Martin Agius

Il-Kap tal-PN saħaq li wasal iż-żmien li l-Maltin juru l-għadab tagħhom mal-Gvern għall-mod kif qed togħla l-ħajja, għal kif qed titnaqqar il-kwalità ta’ ħajja, għal kif qed jinsteraq mill-ambjent ta’ madwar kif ukoll mill-kura tas-saħħa bis-serq tal-isptarijiet.

Huwa rringrazzja lil dawk kollha li attendew għal din l-attività ….għaliex il-preżenza tagħhom ixxettel il-kuraġġ biex il-PN ikompli għaddej bil-ħidma favur il-poplu Malti, filwaqt li ħabbar li se ssir Maratona Ġbir ta’ Fondi il-Ħadd 9 ta’ Ottubru.

Preżenti għal din l-attività kien hemm is-Segretarju Ġenerali u s-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino u Rudolph Marmara.

Ritratt: Martin Agius