Lokali Qorti

Sena ħabs għall-kaċċatur li nqabad joqtol erba’ Fjamingi

BirdLife Malta qalet li hija sodisfatta li l-kaċċatur li f’Ottubru 2021 nqabad jispara fuq erba’ Fjamingi u joqtolhom fil-Ponta tal-Qawra nstab ħati. Miguel Zammit mill-Gżira ngħata sentenza ta’ sena priġunerija waqt li s-senter tiegħu ġie kkonfiskat u kellu l-liċenzja tal-kaċċa irrevokata għal dejjem, minbarra li kien skwalifikat ukoll b’mod permanenti milli jkollu xi liċenzja ta’ arma tan-nar.

Dan ifisser li mhux se jkun jista’ joħroġ aktar għall-kaċċa, u ma jistax ikollu lanqas l-ebda arma fil-pussess tiegħu. Din is-sentenza ngħatat wara li birdwatcher kien osserva dan il-massakru u rrapporta dak li ra kemm lill-Korp tal-Pulizija kif ukoll lil BirdLife Malta.

L-avvenimenti li kienu seħħew fit-2 ta’ Ottubru 2021 kienu wasslu lil BirdLife Malta biex ittenni s-sejħa tagħha lill-Gvern biex jiddikjara l-Ponta tal-Qawra bħala zona fejn ma tkunx permessa l-kaċċa, b’dawn l-inħawi magħrufin għall-kaċċa illegali jiġu ddikjarati bħala riserva naturali protetta proprju ftit jiem ilu, sena wara li seħħ dan il-każ.

Dakinhar, BirdLife Malta kien irnexxielha tieħu filmati tal-persuna fil-baħar wara li qabeż fl-ilma biex jiġbor il-karkassi tal-Fjamingi. Is-sentenza hija riżultat tal-evidenza dokumentata tajjeb ħafna li tressqet mill-birdwatcher innifsu u mill-uffiċjal ta’ BirdLife Malta, flimkien mal-ħidma effiċjenti talpulizija li kienu waslu fil-post fi ftit ħin. Sforzi mill-Forzi Armati biex jiġbru l-karkassi tal-għasafar ukoll kienu strumentali, kif kienet il-prosekuzzjoni mmexxija tajjeb f’dan il-każ.

Waqt li l-ħati mistenni jappella mis-sentenza ta’ ħabs, BirdLife Malta tibqa’ sodisfatta bl-eżitu tal-każ li fisser ħidma kollettiva bejn birdwatchers voluntieri, staff ta’ BirdLife Malta, l-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija, u awtoritajiet oħra li assistew bħall-ERA u l-AFM, liema ħidma wasslet għal riżultat tanġibbli – riżultat li għandu jservi bħala deterrent għal inċidenti bħal dawn li issa drajna naraw ta’ sikwit kif ġara riċentement bil-qtil illegali ta’ Astuni Suwed u Fjamingu ieħor f’Għawdex.

Sentenza bħal din għandha tinstiga lill-Gvern biex jieħu passi bis-serjetà ħalli jsaħħaħ lill-awtoritajiet imsemmija hawn fuq sabiex illegalitajiet bħal dawn jiġu indirizzati b’mod effiċjenti mill-bidu sal-aħħar. Hu biss b’dan il-mod li l-effett ta’ deterrent iġib miegħu bidla fis-sitwazzjoni attwali f’dak li għandu x’jaqsam mal-qtil illegali tal-għasafar.

Azzjoni simili tkun tikkuntrasta wkoll man-nuqqas ta’ ħila min-naħa tal-għaqdiet tal-kaċċa li jiddixxiplinaw lill-membri tagħhom, xi ħaġa li sa issa jagħmlu biss bħala eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi