Internazzjonali

Shakira se tkun qed taffaċja każ f’qorti Spanjola fuq allegat frodi ta’ €14.5 miljun

Qorti f’Barċelona ordnat biex il-kantanta ta’ fama internazzjonali tgħaddi minn ġuri wara allegazzjonijiet ta’ frodi ta’ madwar €14.5 miljun fid-dawl ta’ sitt każijiet differenti. Id-data għal meta hi mistennija tidher quddiem il-prosekuturi għadha ma ġietx determinata.

Jekk Shakira tinstab ħatja ta’ dawn l-akkużi kontrija, hi kapaċi teħel tmien snin ħabs u tiġi mmultata €23.8 miljun.

Minn naħa tagħha, Shakira li għandha 45 sena ċaħdet l-akkużi kollha.

Il-prosekuzzjoni qed tgħid li Shakira kienet qed tgħix f’residenza fi Spanja bejn l-2012 u l-2014 iżda uffiċjaliment niżlet li kienet qed tgħix x’imkien ieħor.

Skont il-liġi Spanjola, dik il-persuna li tgħix fil-pajjiż għal iktar minn sitt xhur tiġi kkunsidrata bħala residenta u b’hekk għandha tħallas it-taxxi f’dan ir-rigward.

Shakira kienet xtrat residenza f’Barċellona lura fl-2012, bil-prosekuzzjoni qed tgħid li hi kienet tgħix hemm għal perjodu twil ta’ żmien mal-eks sieħeb tagħha, Gerard Piquè. Madanakollu, l-avukati tagħha qed jgħidu li Shakira, dak iż-żmien kien qed ikollha numru ta’ tours mużikali f’pajjiżi internazzjonali u b’hekk qattgħet perjodu twil ta’ żmien ‘il bogħod minn Spanja.