Futbol Sport

UEFA Nations League: Spanja jagħmluha għall-fażi finali…Skozja u s-Serbja promossi għal League A

(Ritratt: EPA)

Fi Braga, Spanja għelbu lill-Portugall bl-iskor ta’ 1-0 biex b’hekk flimkien mal-Italja, l-Olanda u l-Kroazja se jkunu qed jilagħbu fil-fażi finali tal-UEFA Nations League. Il-gowl li ddeċieda l-partita wasal lejn it-tmiem, propja fit-88 minuta permezz ta’ Alvaro Morata.

F’partita oħra mill-istess grupp, l-Iżvizzera għelbu lir-Repubblika Ċeka 2-1. Remo Freuler poġġa lill-Iżvizzera fil-vantaġġ, bi Breel Embolo jagħmilhom 2-0. Patrik Schick naqqas id-distakk ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima.

L-Iskozja kisbu l-promozzjoni għal League A meta temmew fi draw ta’ 0-0 kontra l-Ukrajna fejn punt kien biżejjed biex l-Iskozja jirbħu Grupp 1 f’League B.

L-istess għamlu s-Serbja meta fil-partita deċiżiva fi Grupp 4, għelbu lin-Norveġja bl-iskor ta’ 2-0. Dusan Vlahovic poġġa lis-Serbja fil-vantaġġ fit-42 minuta, bl-attakkant ta’ Fulham Aleksandar Mitrovic jiskorja t-tieni gowl għas-Serbja li fisser promozzjoni għal-League A.

L-Iżvezja minn naħa l-oħra kienu relegati għal-League C meta temmew fi draw ta’ 1-1 kontra l-Islovenja. Kieni l-Isloveni li fetħu l-iskor fit-28 minuta minn Benjamin Sesko biex Emil Forsberg kiseb il-gowl tad-draw fit-42 minuta.

Riżultati:

Portugall 0-1 Spanja

Żvizzera 2-1 R. Ċeka

Irlanda 3-2 Armenja

Ukrajna 0-0 Skozja

Albanija 1-1 Iżlanda

Norveġja 0-2 Serbja

Żvezja 1-1 Slovenja

Greċja 3-1 Irlanda ta’ Fuq

Kosovo 5-1 Ċipru