Artiklu: Stewart Said
Ir-riżultat miksub mit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena tal-waterpolo l-ġimgħa l-oħra għadu jidwi fost id-dilettanti ta’ dan l-isport. L-għaxar post miksub fil-Kampjonat Ewropew ikompli mal-aħħar riżultati pożittivi li kisbu t-timijiet nazzjonali.
Fil-Montenegro, iż-żgħażagħ Maltin ġew megħluba fl-ewwel logħba tal-grupp kontra Spanja 15-9, nazzjon li wasal sal-finali. Fit-tieni logħba Malta rebħet 13-9 kontra r-Repubblika Ċeka, rebħet li qatt ma kienet f’dubju biex fl-aħħar logħba tal-grupp it-tim Malti kien megħlub biss b’distakk ta’ gowl biss kontra l-Olanda.
Fil-logħbiet ta’ klassifikazzjoni Malta tilfet kontra l-qawwa tal-Greċja 8-3 f’dik li kienet waħda mill-aħjar prestazzjonijiet. Il-logħba li għamlet id-differenza kienet ir-rebħa kontra Georgia 10-7. B’hekk b’din ir-rebħa, Malta kienet assigurata minn post mal-ewwel għaxra. Fl-aħħar impenn għad-disa’ u l-għaxar post, Malta reġgħet lagħbet kontra l-Olanda, bl-Olandiżi din id-darba jirbħu 13-9.
F’kummenti lil netnews.com.mt, il-kowċ tat-tim Anthony Farrugia faħħar l-impenn u r-riżultat miksub miż-żgħażagħ Maltin iżda fl-istess ħin indika t-triq li dawn iż-żgħażagħ għandhom jaqbdu biex ikompli jogħla l-livell.
Farrugia qal li jinsab sodisfatt li kienu fl-ogħla livell u tenna li għalihom l-10 post hu suċċess fuq suċċess. Hu qal li tkellem ma’ kowċis ta’ nazzjonijiet oħra u żied li rċieva kliem ta’ tifħir fil-konfront tat-tim Malti.
“Fit-teknika qegħdin kważi hemm mal-oħrajn imma l-plejers żgħażagħ għandhom bżonn iktar stamina. Hemm bżonn ta’ sigħat filgħodu fil-gym biex jikber il-ġisem fiżikament. Hemm bżonn iktar għawm u iktar logħbiet internazzjonali.”
“Dan ikun possibbli jekk il-klabbs, il-kowċis u anki l-ġenituri tal-plejers jaħdmu għal għan wieħed; dak li Malta tkompli titjieb. Dan isir biss jekk il-klabbs ikunu lesti li jikkollaboraw flimkien mal-ASA biex il-plejers jitħarrġu aktar mat-tim nazzjonali,” temm jgħid Farrugia.
//= $special ?>