Lokali Qorti

Dun David Muscat mhux ħati fuq diskors ta’ mibgħeda

Dun David Muscat ma nsabx ħati fuq diskors ta’ mibgħeda mill-Maġistrat Ian Farrugia. Il-Qorti qalet li l-qassis mill-Mosta ma kellu l-ebda intenzjoni malizzjuża min-naħa tiegħu biex iweġġa’ lil xi ħadd. Muscat kien tressaq il-Qorti f’Jannar u akkużat b’inċitament għall-mibegħda jew vjolenza fuq kummenti dwar l-omosesswalità.

L-akkużi segwew żewġ posts fuq Facebook. F’wieħed, ir-raġel ta’ 51 sena tkellem dwar il-possibbiltà li Abner Aquilina, li jinsab akkużat bil-qtil tal-istudenta Pollakka Paulina Dembska, kien omosesswali, bisesswali jew ippossedut mix-xitan u qal li “l-omosesswalità” kienet agħar milli tkun possedut.

F’kumment ieħor, imtella’ taħt ritratt li juri lil Aquilina liebes flokk ikkulurit, Muscat qal li qisu kien għadu ġej lura mill-“gay pride”. Is-saċerdot iktar tard kien ingħata twissija formali mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, li tah struzzjonijiet biex jieqaf jagħmel “kummenti infjammatorji u li jweġġgħu” jew inkella jista’ jitwaqqaf milli jeżerċita l-ministeru tiegħu fil-pubbliku.

Fis-sentenza tagħha tal-Ħamis, il-Qorti lliberat lil Muscat, u qalet li ma sabet l-ebda intenzjoni kriminali. L-avukati Mariah Mula u Christopher Attard irrappreżentaw lil Muscat. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.