Atletika Sport

Farah jirtira mill-Maratona ta’ Londra

(Ritratt: EPA)

Mo Farah, ta’ 39 sena erba’ darbiet champion Olimpiku, irtira mill-Maratona ta’ Londra tal-Ħadd minħabba uġiegħ f’ġenbejħ f’dik li kellha tkun l-ewwel maratona għal Mo Faraj mill-2019. Is-sitt darbiet champion tad-dinja rebaħ in-nofs maratona f’Londra aktar kmieni dan ix-xahar bħala parti mill-preparamenti tiegħu. Il-Brittaniku kkummenta li huwa ferm diżappuntat u li għamel dak kollu li seta’ biex jikkompeti iżda l-uġiegħ ma jippermettix li jkun kompetittiv kif dejjem xtaq.

Matul l-aħħar għaxart ijiem Farah kien qed inħoss uġiegħ u tagħfis fil-ġenbejn tal-lemin. Minkejja trattament estensiv u għamel dak kollu li seta’ biex jirkupra fil-ħin xorta ma riedx jissogra. Żied jgħid li jinsab diżappuntat li ma jkunx qed jiġri quddiem il-pubbliku Britanniku u jittama li jirritorna għat-tellieqa f’April tal-2023.

L-aħjar riżultat għal Mo Farah, fil-Maratona ta’ Londra kien it-tielet post miksub fl-2018 minn tlett Maratoni ta’ Londra li ħa sehem fihom. Il-ħin tiegħu ta’ sagħtejn ħames minuti 11-il sekonda fil-Maratona ta’ Chicago fl-2018, li hija l-unika rebħa tiegħu f’maratona, huwa meqjus bħala rekord Brittaniku. Farah irritorna fuq il-korsa fl-2020 wara tliet snin jiffoka fuq il-maratona iżda naqas milli jikkwalifika għall-Olimpjadi ta’ Tokjo tas-sena l-oħra. Nhar il-Ħadd Sisay Lemma tal-Etjopja, li rebaħ l-edizzjoni tat-tellieqa tal-2021, u l-kompatrijotta Kenenisa Bekele huma fost il-favoriti għat-titlu tal-irġiel.