Lokali

” Fejn tidħol is-sigurtà, il-Gvern qed ifalli” – PN

Għaddew tliet ġimgħat minn mindu kienet  ippubblikata parti mill-inkjesta interna li saret mill-Korp dwar il-każ ta’ Iosef Galea… u s’issa għad ma kien hemm ebda reazzjoni mill-Ministru responsabbli Byron Camilleri. Inkjesta li kkonkludiet li f’pajjiżna teżisti konfużjoni totali f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurta u li s-sistema qed tfalli f’dan ir-rigward.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem id-Depot mill-Kelliem tal-PN għall-Intern u s-Sigurtà Joe Giglio, spjega ghaliex is-sigurta f’pajjiżna tinstab mhedda.

Joe Giglio saħaq li hemm bżonn li s-siġurta tissaħħaħ billi l-membri tal-Korp ma jibqgħux demotivati għax dan qed iwassal biex numru ta’ pulizija qed jispiċċaw jitilqu.

Apparti dan, f’pajjiżna għandna madwar 40 għassa li qed jinżammu magħluqin. Dan qed iwassal biex ir-residenti ta’ bosta lokalitjiat mhux qed iħossuhom siguri.

Huwa aċċenna wkoll fuq il-bżonn li jiġu msaħħa l-Korpi Dixxiplinati filwaqt li jsir iktar investiment fil-Qrati Maltin.

Joe Giglio appella sabiex l-Armata tibda tkun inkluża f’aktar ħidma fosthom billi tgħin u tassiti fl-infurzar ta’ pajjiżna.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet intqal li l-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jassigura li kulħadd iħossu sigur għax in-nuqqas ta’ sigurta wkoll qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Nhar il-Ħadd li ġej, il-Partit Nazzjonalsita qed iheġġeġ lil kulħadd sabiex jingħaqad fi ptotesta nazzjonali li se ssir fil-Belt Valletta fit-3pm… protesta kontra s-serqa tal-kwalità ta’ ħajjjitna.