Sport Tazza Tad-Dinja 2022

Flokkijiet bi protesta mid-Danimarka

Fit-Tazza tad-Dinja, id-Danimarka se tilbes flokkijiet bi protesta kontra ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn nazzjon ospitant il-Qatar, bit-tielet flokk se jkun iswed biex jonora l-eluf ta’ ħaddiema li kienu rrapurtati mejta waqt il-bini tal-istadiums.

Id-diżinjatur, Hummel, iddeskriva l-flokk l-iswed bħala ‘l-kulur ta’ luttu’ u qal li filwaqt li l-appoġġ bla dubju huwa wara t-tim Daniż, dan m’għandux ikun imħallat mal-appoġġ lejn avveniment li sewa’ l-ħajja ta’ eluf ta’ nies.

F’Novembru li għadda, l-Federazzjoni tal-Futbol fid-Danimarka wegħdet li se tkun qed tilbes flokkijiet b’mesaġġ kritiku lejn l-organizzaturi minħabba dak li kien qed ikun irrapurtat fil-media u ksur ta’ drittijiet tal-bniedem fil-Qatar matul il-bini tal-Istadiums.

Għalkemm ir-regoli tal-FIFA għat-Tazza tad-Dinja jipprojbixxu messaġġi politiċi fuq il-kit tat-timijiet, it-tliet flokkijiet tad-Danimarka kollha jidhru li huma konformi, mingħajr kliem jew simboli. Il-badge tat-tim nazzjonali u l-logos ta’ fuq il-flokk huma kolla l-istess kulur tal-istess flokk iżda li xorta waħda huma viżibli.

L-organizzaturi tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar, aktar tard ikkontestaw it-talba ta’ Hummel li “l-kampjonat sewa ħajjet eluf ta’ nies”.

Id-Danimarka, iklassifikata numru 10 fid-dinja, u li waslu sas-semifinali tal-Kampjonat Ewropew is-sena l-oħra, kienu meqjusa bħala wieħed mit-32 tim tat-Tazza tad-Dinja l-aktar probabbli li jieħdu pożizzjoni b’saħħitha kontra l-Qatar. L-FA Daniża ngħaqdet ukoll ma’ kampanja Ewropea mnedija l-ġimgħa li għaddiet biex il-captains jilbsu faxxa bil-kliem ‘ONE LOVE’ b’ħafna kuluri f’forma ta’ qalb.

Id-Daniżi ġew fil-grupp maċ-champions Franza, l-Awstralja u t-Tuneżija. Huma se jkollhom għażla li jbiddlu l-flokk fl-ewwel partita kontra t-Tuneżija li normalment jilgħabu bl-abjad u għalhekk teżisti l-probabiltà li biex iwasslu l-messaġġ tagħhom mill-ewwel ġurnata d-Danimarka jilgħabu bil-flokk l-iswed.