Lokali Parlament

F’Malta għandhom ikunu siguri kemm l-omm kif ukoll it-tarbija…iż-żgħażagħ jivvutaw kontra l-abort fil-parlament

Il-maġġoranza assoluta taż-żgħażagħ fis-sessjoni tal-Parlament taż-Żgħażagħ ta’ din is-sena, li ddiskuta l-abort, ivvutaw kontra l-abort u enfażizza li f’Malta għandhom ikunu siguri kemm l-omm kif ukoll it-tarbija.

Is-suġġett magħżul għal din is-sessjoni ingħażel mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn fis-sessjoni l-parteċipanti ġew mitluba biex jinqasmu f’żewġ gruppi biex kull grupp iħejji dokument bil-veduti u l-proposti tiegħu biex imbagħad jiġi ppreżentat f’din is-seduta speċjali u jitressaq għall-vot.

Tul din is-seduta saru diversi interventi mill-parteċipanti u anki minn diversi deputati fosthom id-deputati Nazzjonalisti Stephen Spiteri u Bernice Bonello.

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri tenna l-pożizzjoni ċara tal-PN li hu favur il-ħajja mill-bidu nett tagħha sat-tmiem u kontra l-abort waqt li enfażizza li x-xjenza tipprova li mal-fertilizzazzjoni hemm ħajja ġdid. Hu tkellem dwar l-improtanza tal-edukazzjoni u l-investimnt fis-saħħan sesswali waqt li ż-żgħażagħ ikunu informati fuq is-sesswalità. Ejja nħarsu lejn dak li jsaħħaħ li-ssoċeta u mhux dak li jnaqqasha, sostna Stephen Spiteri, li appella biex tkun imħarsa r-rieda tal-maġġoranza li ma tridx li jidħol l-abort f’Malta.

Id-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello saħqet dwar l-importanza li niskopru mill-ġdid ir-rikkezza tal-maternità u li nisimgħu l-vuċi tat-tarbija li tixtieq tgħix.

Hi sostniet li l-mara għandha l-privileġġ li ġġorr tarbija ġo fiha; din hi rikkezza. Il-politiċi jridu jisimgħu lil kulħadd anki lil dawk li jkunu jridu jagħmlu l-abort biex tinħoloq leġislazzjoni ta’ appoġġ għal dawk in-nisa tqal li jkolhom diffikultajiet. Jeħtieġ jiħolqu strutturi ta’ prevenzjoni biex il-ħajja tkun apprezzata, sostniet id-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello.

Alexander Joe Camilleri li tenna li huwa xhieda li l-abort mhux bżonn. Hu qal li hu ġie adottat minn ġenituri Maltin għaliex l-omm bijoloġika tiegħu ddeċidiet li tresqu għall-adozzjoni minflok għall-abort. Alexander Joe Camilleri sostna kif l-ebda tarbija ma hi “unwanted child” anzi elenka kif tarbija li forsi l-ġenituri tagħha qed isibuha diffiċli biex iżommuha, hija ħolma għal koppja li tixtieq taddotta t-tfal.

Iż-żgħażagħ li jemmnu fil-valur tal-ħajja umana sa mill-bidu saħqu li d-dritt tal-ħajja huwa “d-dritt ċavetta” li jiftaħ il-bibien għad-drittijiet l-oħrajn kollha. Fid-diskors tal-preżentazzjoni tal-mozzjoni Favur il-Ħajja, ġie elenkat kif bħal maż-żgħażagħ issibhom fuq quddiem biex jiddefendu l-paċi, id-demokrazija, l-ambjent, u d-drittijiet tan-nisa u tal-imigranti fost ħafna oħrajn, bl-istess ħeġġa issibhom jiddefendu d-dritt għall-ħajja.

Tul din is-seduta ġie rikonoxxut ukoll li anke f’pajjiżna hawn sitwazzjonijiet ta’ tbatija u li hawn min qed jippreżenta l-abort bħala dik il-kura li ser issolvi dawn il-problemi kollha. Il-maġġoranza taż-żgħażagħ saħqu li huma jemmnu li l-istat għandu jfittex li jsir jaf x’inhuma r-raġunijiet għaliex xi nisa jista’ jkun li qed jikkonsidraw l-abort u jaħdem biex jindirizza lil dawn is-sitwazzjonijiet u mhux jintroduċi l-abort, li jissagrifika ħajja umana, biex jintuża bħala cover-up ta’ dawn il-problemi.

“Għaliex għadu jkun hawn tfajla waħda f’pajjiżna li tħoss li ma tistax tkompli bit-tqala tagħha u tistudja? Għaliex għandna ngħażlu fl-isptarijiet tagħna lil min insalvaw meta nistgħu nsalvawhom it-tnejn? F’każijiet ta’ diffikultà lkoll nafu li f’Malta l-ħajja tal-omm dejjem tingħata prijorità u li b’ħafna għaqal u dedikazzjoni, f’pajjiżna, f’dawn l-aħħar 12-il sena, twieldu 50,000 tarbija mingħajr ma’ mietet omm waħda. Dan fatt.”, saħaq il-koordinatur tal-grupp taż-żgħażagħ favur il-ħajja fid-diskors tiegħu.

Tul is-sessjoni ż-żgħażagħ kienu imfaħħra tal-mod matur li bih id-dibattitu u kienu wkoll imħeġġa biex iħarsu lejn il-politika bħala għodda sabiħa li biha jistgħu jagħmlu ħafna ġid. L-eżitu ta’ din id-diskussjoni u l-vot taż-żgħażagħ kien ċar ħafna, li pajjiżna m’għandux jaqbad it-triq tal-għażla bejn żewġ ħajjiet iżda għandu jibqa’ sigur għal kulħadd, għal kull mara u għal kull tarbija.