Lokali Qorti

Ħames snin ħabs fuq serq

F’sentenza mogħtija l-ġimgħa li għaddiet mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, raġel ta’ 36 sena residenti l-Fgura huwa ġie kundannat ħames snin ħabs fuq serq. Christian Said instab ħati li bejn l-2019 u l-2020 wettaq għadd ta’ serqiet minn diversi karozzi fil-Fgura u f’Raħal Ġdid.

Said instab ħati li seraq kartiera li kien fiha €30 u €10 fi flus kontanti, dokumenti u cards tal-bank, stereo, għodda u mobile mill-Fgura, u €20 minn karozza f’Raħal Ġdid. Ir-reati seħħew fi Triq l-Isponsun, Triq il-Bieb, Triq San Xmun, Triq il-Buqexrem u fi Triq San Edwardu.

Said ma nstabx ħati li fl-20 ta’ Marzu tal-2020 weġġa’ gravi lil ħuh wara argument bis-skieken. Madankollu, din l-imputazzjoni ma ġietx ippruvata. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, irrimarkat li l-imputat “għandu problema tad-droga u saħqet li ngħata diversi opportunitajiet biex jirriforma ruħu.

Il-Maġistrat ikkundannat lil Said ħames snin ħabs, li minnhom għandu jitnaqqas kull żmien li l-akkużat għamel taħt arrest preventiv. Il-Qorti ordnat lill-imputat ukoll biex iħallas l-ispejjeż b’rabta mal-ħatra tal-esperti. Il-prosekuzzjoni, tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Zerafa u Paul Camilleri.