Futbol Sport

Il-Ħadd ser tinkiteb l-istorja fis-Serie A

(Ritratt: EPA)

Nhar il-Ħadd li ġej fil-partita bejn Sassuolo u Salernitana fil-Mapei Stadium se tkun qed tinkiteb l-istorja fis-Serie A Taljan hekk kif Maria Sole Ferrieri Caputi se ssir l-ewwel mara li qatt irrefjat partita fl-għola diviżjoni tal-futbol Taljan.

Caputi, li għandha 31 sena, irrefjat madwar 80 partita fil-Kampjonat Ewlieni tad-dilettanti sakemm fl-1 ta’ Settembru tal-2020 wasal id-debutt tagħha fis-Serie C meta kienet irrefjat il-partita bejn Pro Patria u Pro Sesto. Minn dik il-partita Caputi fl-istess diviżjoni bejn Kapjonat u Play Offs irrefjat 23 logħba.

F’Ottubru li għadda, ta’ 31 sena, wasal tragward importanti għal Ferrieri Caputi meta rrefjat l-ewwel partita tagħha fis-Serie B. Hija ngħatat il-partita Cittadella-SPAL li spiċċat fi draw ta’ mingħajr gowls. Fl-istess diviżjoni hija kienet referee fil-partiti Modena kontra Frosinone u Brescia kontra Perugia.

F’Awwissu li għadda l-ewwel ġiet assenjata fil-partita tat-Tazza Taljana bejn Sampdoria u Reggina imbagħad, fl-istess xahar, ħadet ir-rwol ta’ raba’ uffiċjal fil-partita tas-Serie A bejn Monza u Udinese. Nhar il-Ħadd fit-15:00 żgur li se tkun ġurnata importanti kemm għas-Serie A kif ukoll għal Caputi hekk kif dan se jkun debutt għaliha f’wieħed mill-Kampjonati l-kbar tal-Ewropa.