Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu lill-Gvern Malti fil-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Gvern ta’ Malta fi stqarrija qal illi ħa nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirreferi lil Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-qafas leġiżlattiv dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern kien fi djalogu kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea li matulu dejjem kienet spjegata l-pożizzjoni ta’ kif iċ-ċittadinanza hi kompetenza esklużiva tal-istat innifsu, bil-Kummissjoni Ewropea tibqa’ tinsisti li tali kompetenza mhux limitata biss għall-istati membri u dan minkejja li l-gvern preżenta argumenti legali li jippruvaw il-kontra ta’ dak li qed titkellem dwaru l-istess Kummissjoni.

“F’dan is-sens, il-Gvern Malti jemmen li mhux qed jikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali hekk kif imniżżla fl-Artiklu 4(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u li dan il-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment jirrispekkja b’mod sħiħ il-proviżjonijiet elenkati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea permezz tal-proċess relatati man-naturalizzazzjoni.”

Il-Gvern fl-istqarrija kkonferma li se jkompli joġġezzjona għall-interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward.