Formula 1 Sport

Mercedes jittamaw f’riżultat tajjeb f’Singapore

(Ritratt: EPA)

Waqt laqgħa mal-ġurnalisti fi Kuala Lumpur ,is-seba’ darbiet champion tad-dinja tal-Formula 1 Lewis Hamilton qal li ma jarax bħala “tmiem tad-dinja” jekk jonqos milli jirbaħ tellieqa dan l-istaġun. Il-Brittaniku tħabat bil-bosta fil-Kampjonat ta’ din is-sena fejn fuq Mercedes qabel it-tiġrija tal-Ħadd filgħaxija f’Singapore jinsab maqtugħ mill-ġlieda għal titlu mondjali ieħor, b’Max Verstappen tar-Red Bull favorit li jerġa jirbaħ il-Kampjonat.

Hamilton huwa ferm ’il bogħod mill-istaġun li għadda, meta mar ras imb’ras ma’ Verstappen għat-titlu fl-aħħar tellieqa, iżda Hamilton u l-Mercedes f’dan il-Kampjonat iddiżappuntaw bis-sħiħ. Hamilton li għandu 37 sena irrefera għal dan l-istaġun bħala “wieħed mill-aktar staġuni iebsa” tal-karriera tiegħu, b’vettura ferm ‘l bogħod minn waħda kompetittiva.

Madankollu, flimkien mat-tieni sewwieq Brittaniku George Russell, il-Mercedes qed jiġġieldu mal-Ferrari għat-tieni fil-kampjonat tal-kostrutturi. George Russell ikkummenta li huwa eccitat għal dak li jista’ jseħħ fi tmiem il-ġimgħa. Aktar kmieni, il-Mercedes iffirmaw ftehim biex jestendu l-isponsorship mal-ġgant taż-żejt Malasjan Petronas.