Lokali

“Niddefendu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna” – Bernard Grech

“Din ir-rabja u qtigħ ta’ qalb tista’ ddawwara f’azzjoni biex turi li ma tistax taċċetta dan il-Gvern li qed jisraqlek il-kwalita’ tal-ħajja.”

Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu minn Robert Cremona waqt il-programm Net Live.

Huwa qal li l-Ħadd li ġej fit-3:00pm il-poplu Malti u Għawdxi għandu l-opportunita’ li jieħu azzjoni billi jattendi l-protesta fil-Belt Valletta. Bernard Grech tenna li l-Gvern Laburista qed jisraq il-poplu u għaddej romblu minn fuq kulħadd.

Bernard Grech saħaq li n-nies huma rrabjati hekk kif qed jaraw il-pajjiż sejjer lura bil-Gvern immexxi minn Robert Abela li ġab kostruzzjoni bla rażan, mediċini out of stock kif ukoll nuqqas ta’ investiment fl-edukazzjoni.

Bernard Grech qal li hemm diversi karigi importanti fosthom dawk tal-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards li għad irid jiġi deċiz min se jiehu din il-kariga. Huwa kompla jgħid li fi ftit tal-ġranet oħra l-pajjiż se jispiċċa mingħajr Kummissarju għall-Istandards iżda minn naħa l-oħra Robert Abela jibqa’ jgħid li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu. Bernard Grech tenna li ma jistax ikun li dawn l-istituzzjonijiet jaħdmu meta m’hemmx pjan sabiex jinħatru nies ġodda.

Stqarr li l-PBS għadu qed ikollu rapurtaġġ żbilanċjat fejn saħansitra anke idawru l-aħbar. Bernard Grech żvela li TVM rrapporta li hu għandu jkun aktar flessibli meta tiġi għall-ħatra ta’ dawn il-karigi iżda waqt l-intervista huwa saħaq li ilu diversi xhur jibgħat ittri lil Robert Abela sabiex jiddiskutu din is-sitwazzjoni iżda għadu bla risposta. Bernard stqarr li r-rappurtaġġ tat-TVM kien wieħed qarrieqi.