Lokali

Quddiesa li fakkret il-Jum Dinji tal-Anzjani

Il-Ħamis filgħodu kienet iċċelebrata quddiesa biex tfakkar il-jum dinji dedikat lill-anzjani  – ġurnata li se tkun  iċċelebrata s-Sibt li ġej.

Waqt l-omelija, Monsinjur Charles Cordina tenna li din il-ġurnata tant speċjali tagħti d-dinjita’ lill-anzjani li ħadu ħsieb lil ħafna oħrajn tul ħajjithom. Huwa qal ukoll li uliedhom huma frott l-imħabba li urew u l-valuri li għallmuhom. Barra minn hekk, fakkar li l-anzjani huma l-istorja miktuba u l-ġenerazzjonijiet tal-futur jistgħu jitgħallmu ħafna minn għandhom.

Charles Cordina tkellem ukoll fuq it-tbatija li għaddew minnha l-anzjani tul is-snin kif ukoll il-kontribut tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Huwa kompla jgħid li l-anzjani ħolqu ġid li qed igawdu l-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom għaliex huma għamlu użu mit-talenti li tahom Alla.

Monsinjur Cordina semma kliem il-Papa li dejjem wera mħabba kbira lejn l-anzjani. L-anzjani jgħaddulna l-istorja ta’ ħajjithom kif ukoll il-fidi tant b’saħħitha li dejjem kellhom lejn il-Knisja.

Huwa temm l-omelija tiegħu billi ħeġġeġ lill-anzjani sabiex jibqgħu jgawdu l-ħajja sal-aħħar mument u jkomplu jsaħħuha ħalli dejjem jibqgħu viċin Alla.

Għal din il-quddiesa kien hemm preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, il-President ta’ Malta George Vella kif ukoll id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.