Lokali

“Tagħmilx aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” – PN

Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia u Joe Giglio ħarġu stqarrija rigward il-bejgħ tal-passaporti f’pajjiżna li qed tagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Ħamis il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Malta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment tagħha, imsejħa wkoll “Passaporti tad-Deheb”.

Dan hekk kif il-Kummissjoni tqis li l-għoti taċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea bħala kumpens għal pagamenti jew investimenti predeterminati mingħajr l-ebda rabta ġenwina mal-Istat Membru kkonċernat mhux kompatibbli mal-prinċipju tal-koperazzjoni leali, li jinsab minqux fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mal-kunċett taċ-Ċittadinanza tal-Unjoni, li jinsab previst fl-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-impatt qawwi li aħbar bħal din tħalli fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Hi tassew ħasra li l-Gvern Laburista mhux qed jagħmel biżżejjed ħalli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li diġà kienet spiċċat imtappna meta Malta tpoġġiet fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force (FATF), partikolarment minħabba li konna l-uniku Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li tpoġġa fuq din il-lista.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi lill-Gvern ta’ Robert Abela x’se jkun qed jagħmel biex jissalvagwardja r-reputazzjoni ta’ pajjiżna, li l-investiment dirett barrani tant jiddependi fuqha u jekk jikkonfermax li dejjem sar due diligence kif suppost fl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza. Barra minhekk, il-Gvern għandu jikkonferma wkoll jekk kienx hemm dejjem rabta ġenwina tal-applikanti ma’ pajjiżna.

Il-Gvern hu obbligat li jara li ma ssirx aktar ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u għalhekk, għandu jaħdem għall-interess ta’ Malta u ta’ ħadd aktar