L-istqarrija maħruġa minn Transport Malta b’rabta mal-estensjoni tal-irmiġġi fil-Kalkara Creek li mhux se tkun qed testendi n-numru tal-irmiġġi hija stramba meta wieħed jara li kien hemm korrispondenza għal din l-applikazzjoni mill-ERA f’Ġunju 2021 u minn Heritage Malta fit-18 ta’ Awwissu 2022.
Fi kliem id-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, Transport Malta reġgħet għamlet U-turn fuq dan il-proġett, kif sar fl-2019. Fejn il-Ministru ta’ dak iż-żmien iddikjara li m’għandu jsir l-ebda xogħol fl-2019 iżda Transport Malta ressqet applikazzjon (PA/06431/2020) għall-estensjoni tal-irmiġġi fl-istess post fid-19 ta’ Lulju 2020 mingħajr konsultazzjoni.
Peress li dawn il-permessi tal-PA jitħallsu minn fondi pubbliċi u jiswew ħafna flus il-poplu għandu dritt ikun jaf eżatt x’qed tipproponi Transport Malta u kif se tkun ta’ benefiċċju kemm għas-sidien tad-dgħajjes li qed jistennew irmiġġ kif ukoll għar-residenti.
Fid-dawl tal-U-turn li ttieħdet minn TM dwar dan il-proġett, il-Partit Nazzjonalista jitlob li l-awtorità tal-Ippjanar tagħmel dak li hija obbligata tagħmel u titlob lil Transport Malta tindika ż-żona fejn se jkunu organizzati l-irmiġġi, u turi jekk il-footprint hux qed tiżdied. Il-Partit Nazzjonalista għal darb’oħra jistaqsi jekk saritx xi konsultazzjoni mal-istakeholders kollha biex jiġi identifikat kif jiġi mmassimizzat l-użu taż-żona b’mod responsabbli u jiġu sottomessi studji.
Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-organizzazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-irmiġġi fil-portijiet kollha mingħajr r-ripressjoni taż-żona u tal-ambjent. Il-Gvern għandu jagħmel pjan/policy ħolistiku ta’ kif dan jista’ jsir wara li jikkonsulta u jwettaq l-istudji kollha fuq livell nazzjonali meħtieġa biex jiġi stabbilit kif jista’ jinħoloq bilanċ pożittiv li huwa meħtieġ.
//= $special ?>