Lokali

Wara ħames snin mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia l-Gvern għadu mitluf fil-kliem – PN

Dak li ħabbar il-Ministru Jonathan Attard lbieraħ huwa biss kliem biex jipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern għamel xi ħaġa wara kważi 5 snin mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Dan qalu l-kelliem tal-PN Karol Aquilina fi stqarrija maħruġa dalgħodu.

Il-Gvern għadu sallum jitratta lill-ġurnalisti bħala għadu u jibqa’ jfixklihom fil-qadi tad-dmirjiet tagħhom f’kull okkażjoni. Filwaqt li l-bidliet fil-liġijiet huma dejjem meħtieġa, huwa iktar urġenti li l-Gvern Laburista jbiddel l-attitudni tiegħu fil-konfront tal-ġurnalisti u ma jibqax joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni.

L-Oppożizzjoni tinnota kif dawn l-abbozzi ta’ liġi ġew ippubblikati mingħajr ebda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-ġurnalisti, mas-soċjetà ċivili u mal-pubbliku in ġenerali. Il-Gvern li jgħid li jisma’ naqas għal kollox milli jisma’.

L-Oppożizzjoni ser tkun qed tifli l-abbozzi li ġew ippreżentati mill-Gvern u ser tiżgura li dawn mhux biss jitjiebu fl-aħjar interess tal-ġurnalisti iżda wkoll ser iżżomm lill-Gvern kontabbli tal-aġir tiegħu fil-ħarsien ta’ obbligi tiegħu bħala Gvern fil-konfront tal-ġurnalisti, ewlenin fosthom il-protezzjoni tas-sorsi, is-sigurtà personali tagħhom u l-aċċess għall-informazzjoni.

L-abbozzi ta’ liġi li ressaq il-Gvern huma parti żgħira mill-ħafna rakkomondazzjonijiet li sena u nofs ilu ġew ippreżentati lill-Gvern mit-tliet Imħallfin li wettqu l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Għalhekk l-Oppożizzjoni tistenna li l-ġimgħa d-dieħla meta jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament, il-Gvern ipoġġi fuq nett tal-aġenda l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni biex jimplimenta r-rakkomanazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.