Lokali

Ċerimonja ta’ tħawwil tas-siġar għall-10 Anniversarju ta’ Dr Clown

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon, u l-President ta’ Dr Klown, Eric Muscat se jorganizzaw ċerimonja tat-tħawwil tas-siġar sabiex tfakkar l-10 Anniversarju minn meta twaqqfet l-organizzazzjoni Dr Klown f’Malta. Din iċ-ċerimonja se ssir is-Sibt 1 ta’ Ottubru f’nofsinhar faċċata tal-istatwa Mater Dei fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.

Is-sena li għaddiet propju mmarkat l-10 Anniversarju mit-twaqqif tal-organizzazzjoni Dr Klown f’ Malta. Kien vjaġġ eċitanti għal bosta u matul dawn l-10 snin il-Klown Doctors għamlu differenza fil-ħajja ta’ ħafna speċjalment fil-ħajja tat-tfal morda kif ukoll dawk li jinsabu rikoverati. Dan kien possibbli permezz tal-kollaborazzjoni kontinwa bejn it-tmexxija ta’ Dr Klown u it-tmexxija tal-Isptar Mater Dei.

Biex ifakkru dan il-vjaġġ u r-relazzjoni ta’ għaxar snin se jkunu qed iħawwlu Delonix Regia, li hija magħrufa wkoll bħala Royal Poinciana jew Red Flame Tree, fil-grawnds tal-Isptar Mater Dei. Il-kulur aħmar tiegħu meta jkun fl-aqwa tiegħu se jkun tfakkira tal-Imnieħer l-Aħmar li huwa simbolu tal-firma ta’ Dr Klown kif ukoll il- passjoni tat-Tobba Klown u l-ħafna carers li jaħdmu fi sptar u lil hinn.

Iċ-ċerimonja se titmexxa mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei u l-President ta’ Dr Klown. Numru ta’ Klown Doctors bil-kostum tagħhom se jkunu preżenti għaċ-ċerimonja.