Lokali

“Kollox jindika li seħħ cover-up kemm minn uffiċjali tal-Bank Pilatus kif ukoll minn uffiċjali pubbliċi”

Repubblika tippreżenta evidenza serja b’rabta mal-inkjesta tal-Bank Pilatus

“Qed ngħixu fl-assurdità. Għandna persuni li għandhom mandat t’arrest kemm Ewropew kif ukoll Internazzjonali….u għadhom jiġru barra.”

Sostna dan il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina meta l-Ġimgħa filgħodu preżenta fotokopji deskritti minnu bħala partijiet importanti ħafna mill-inkjesta dwar l-operat tal-Bank Pilatus.

Dan hekk kif din l-evidenza huma dokumenti ta rikorsi li għamel il-Kummissarju tal-Pulizija fejn elenka r-reati li qed jattribwixxu lil numru ta’ persuni fejn talab li jinħarġu mandati t’arrest kemm ewropej kif ukoll internazzjonali…kif ukoll preżenta l-mandati t’arrest infushom.

Robert Aquilina saħaq li dawn id-dokumenti li għandu hu huma awtentiċi u juru l-gravità kbira tas-sitwazzjoni.

Huwa staqsa għaliex il-Pulizija, bl-involviment tal-Avukat Ġenerali damu ħafna sabiex dawn l-mandati t’arrest jintbgħatu.

Fost oħrajn spjega kif waħda mill-persuni li nħarġilha l-mandat t’arrest tgħix Malta u għadha qed tiġri barra…b’persuna oħra saħansitra xehed fil-Qorti u ħallewh jitlaq.

Aquilina saħaq li kollox jindika li seħħ cover-up kemm minn uffiċjali tal-Bank Pilatus kif ukoll minn Uffiċċjali Pubbliċi u insista li kemm l-Avukat Ġenerali kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija għandhom ħafna xi jwieġbu – fost oħrajn għaliex wara li saru dawn ir-rikorsi ma preżentawx formalment l-akkużi fil-Qorti kontra dawn il-persuni.

Il-President ta’ Repubblika stqarr ukoll li l-Avukat Ġenerali talbet lill-Imħallef Christian Falzon Scerri, li qed jisma din il-kawża, sabiex il-Ġimgħa ma jħallix lil Aquilina jixhed…b’Aquilina jispjega li l-Imħallef ċaħad din it-talba…filwaqt li ddeskriva dan il-każ bħala wieħed serju. 

Intant, wara din il-konferenza tal-aħbarijiet, Robert Aquilina qiegħed kopja tad-dokumenti preżentati fil-Qorti quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir li tul dawn l-aħħar snin kien mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia li kienet hi l-ewwel persuna li bexqet tieqa biex uriet x’kien qiegħed  iseħħ fil-Bank Pilatus.