Lokali

Il-Gvern ma tax kas tal-kumitat tiegħu stess u injora anke d-drittijiet tan-nies

L-abbozz ta’ liġi li l-Gvern qed jgħid li se jsaħħaħ il-libertà tal-midja ifalli milli jġib il-bidla meħtieġa u jfalli milli jistabbilixxi ambjent li jippermetti l-ġurnaliżmu ħieles.

L-abbozz ta’ liġi jinjora l-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-istampa u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Fuq kollox, jinjora d-drittijiet tal-pubbliku inġenerali li huwa s-sid reali tad-dritt tal-informazzjoni.

Agħar minn hekk, il-Gvern iddeċieda li jumilja lill-Kumitat li waqqaf billi ma jagħtix kas tal-aktar proposti importanti li għamel l-istess kumitat. Rema għalkollox l-aktar 13% tal-proposti importanti ta’ dan il-Kumitat.

Il-proposti tal-Gvern huma b’saħħithom fid-diskors fieragħ iżda dgħajfa fis-sustanza.

Hawnhekk qed niddeskrivu biss ftit mill-prinċipji importanti li din l-hekk imsejħa riforma qed tinjora.

Injorati: Is-salvagwardja tad-dispożizzjoni Kostituzzjonali tal-ġurnaliżmu bħala pilastru tad-demokrazija

Il-Gvern qed jiftaħar li ta rikonoxximent Kostituzzjonali lil-libertà tal-midja u r-rwol tal-midja li tkun l-għassiesa f’isem il-poplu flimkien mad-dritt li l-ġurnaliżmu ħieles ikun eżerċitat bħala elementi fundamentali tad-demokrazija. L-abbozz iżid li l-Istat għandu jipproteġi u jippromwovi l-libertà tal-midja inkluż billi jipprovdi għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u tas-sorsi tagħhom.

Għalkemm dan il-kliem huwa sabiħ, il-Gvern ma jipproteġix sew dawn il-prinċipji flimkien mad-drittijiet u d-dmirijiet li jwasslu għal stampa ħielsa fil-Kapitolu IV tal-Kostituzzjoni. Għall-kuntrarju, kulma jagħmel il-Gvern hu dikjarazzjoni żgħira fil-Kapitolu II tal-Kostituzzjoni li apparti li tista’ tiġi emendata b’vot ta’ maġġoranza sempliċi, lanqas hija infurzabbli quddiem il-Qorti. Kieku l-gvern verament ried jirrikonoxxi l-ġurnaliżmu bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija kien ipoġġi dawn id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni u jadotta mill-inqas ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tiegħu stess.

Injorat: it-tisħiħ bis-serjetà tal-libertà tal-istampa

Il-Kumitat tal-Gvern ta wkoll parir li l-entrenchment tal-libertà tal-istampa fl-Artikolu 41 tal-Kostituzzjoni jissaħħaħ. B’mod speċifiku, il-Kumitat fittex tisħiħ li jipproteġi lill-istampa u lill-ġurnalisti minn indħil minn kwalunkwe awtorità pubblika, l-irfid tal-protezzjoni tas-sorsi u kwalunkwe informazzjoni li tista’ tidentifika sorsi, u d-dritt ta’ kulħadd li jaċċessa ġurnaliżmu indipendenti u stampa pluralistika.

Il-Gvern injora dawn il-proposti leġittimi tal-Kumitat tiegħu stess.

Injorat: Id-dritt li wieħed ifittex informazzjoni

Il-Gvern għamel ħafna biex iħalli barra mill-emendi kostituzzjonali tiegħu d-dritt li t-tiftix tal-informazzjoni ikun komponent bażiku tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà tal-informazzjoni.

F’dan ir-rigward il-Gvern minbarra li injora l-proposti tal-kumitat tiegħu stess injora r-rakkomandazzjonijiet tar-Rappreżentant tal-OSCE għal-Libertà tal-Midja, u r-rakkomandazzjonijiet tal-NGO internazzjonali Article 19.

Il-Gvern irrifjuta li jiddikjara li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom l-obbligu li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni. Dan huwa nuqqas serju fir-riforma meta wieħed iqis li bħalissa jidher li hemm politika tal-gvern li tiffavorixxi n-nuqqas ta’ żvelar ta’ informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi aktar milli żvelar għal trasparenza u responsabbiltà.

Injorat: Id-dmir tal-Gvern li jippromwovi ambjent li jiffaċilita l-ġurnaliżmu

Il-Gvern irrifjuta l-aktar proposta importanti tal-Kumitat tiegħu stess favur dikjarazzjoni ta’ prinċipju li tirrikonoxxi l-obbligu tal-istat li jippromwovi l-awtonomija tal-istampa u li jipprovdi ambjent li jippermetti li jiffaċilita l-ġurnaliżmu.

Il-gvern ma tax kas ukoll tal-proposta tal-Kumitat tiegħu li jkun hemm rikonoxximent imsaħħaħ u qawwi tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Għalkemm il-Kumitat kien iddeskriva l-proposta oriġinali tal-gvern bħala ‘nieqes mis-sustanza’ il-Gvern baqa’ għaddej bil-proposta oriġinali tiegħu.

Il-Gvern injora wkoll il-proposta tal-Kumitat tiegħu stess li l-abbozz ikun kif propost mill-Oppożiżjoni fil-Private Members’ Bill tagħha. Il-Kumitat qies li l-proposta tal-Oppozizzjoni kienet tissalvagwardja aħjar id-dritt tal-libertà tal-espressjoni għax kienet tipprovdi lil kulħadd, mhux biss lill-ġurnalisti, bi protezzjoni kostituzzjonali aħjar.

Injorata: Leġislazzjoni qawwija kontra l-SLAPP

Il-ftaħir tal-Gvern li qed jintroduċi miżuri effettivi kontra l-SLAPP mhuwiex rifless fl-abbozz leġiżlattiv propost tiegħu li minflok protezzjoni qawwija jipprovdi process dgħajjef, ambigwu u mimli piżijiet.

Anke f’dan ir-rigward il-Gvern injora r-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Analiżi Legali ppubblikata mill-uffiċċju tar-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tal-Midja u r-rakkomandazzjonijiet tal-NGO Article 19, organizzazzjoni internazzjonali rispettata ħafna fejn tidħol il-libertà tal-midja.

Dak li qed jipproponi l-Gvern ma jilħaqx standards minimi internazzjonali biex persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika jkunu protetti minn proċeduri manifestament infondati

u abbużivi. Il-proposti tal-Gvern lanqas biss jirriflettu l-istandards minimi stabbiliti fid-direttiva proposta tal-UE kontra s-SLAPP.

Ir-reġim legali propost mill-Gvern iħalli lill-ġurnalisti u lill-persuni involuti fil-parteċipazzjoni pubblika miftuħa għal theddid minn diversi pajjiżi kif ukoll għal theddid fi proċeduri fil-Qrati Maltin. Il-proposti jpoġġu piżijiet kbar fuq il-ġurnalisti li jistgħu jkunu projbittivi.

Dawn ta’ hawn fuq huma biss ftit mill-prinċipji bażiċi li l-Gvern injora.

Nerġgħu nappellaw bil-qawwa lill-Gvern biex jaċċetta l-għajnuna offruta mill-għaqdiet internazzjonali li għandhom għarfien espert mhux ikkontestat f’dan il-qasam. Nappellaw ukoll lill-Gvern biex jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Malta jistħoqqilha tieħu din l-opportunità biex jidħol fis-seħħ reġim legali b’saħħtu u komprensiv biex iġib libertà effettiva tal-istampa u ambjent favorevoli għall-ġurnalisti u għall-oħrajn li jaħdmu fil-midja