Lokali

Il-Maltin u l-Għawdxin ħaqqhom kwalità tal-ħajja tajba u mhux li d-dinjità tagħhom titnaqqar ta’ kuljum

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Maltin u l-Għawdxin ħaqqhom kwalità tal-ħajja tajba u mhux li jħossu li d-dinjità tagħhom qed titnaqqar ta’ kuljum. Ma jistax ikun li l-ħaddiema jispiċċaw ma jarawx lil uliedhom għax, biex ilaħħqu mal-ħajja, iridu jmorru minn xogħol għal ieħor.

Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem għall-Ġlieda kontra l-Faqar u għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Ivan Bartolo u mill-Kelliem għall-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja u għad-Delizzji Charles Azzopardi, fejn ingħad ukoll li l-għajnuna meħtieġa għandha tingħata lil kulħadd u mhux skont il-kulur politiku tal-persuna.

Dan hekk kif fl-aħħar xhur qed naraw dejjem aktar persuni jħabbtu wiċċhom ma’ sfidi li qatt ma ħolmu li se jkollhom jiffaċċjaw, fosthom li jmorru jittalbu minn foodbanks biex ikunu jistgħu jitimgħu lil uliedhom. Dan fost it-tħassib ta’ ħafna li l-Gvern Laburista m’għadux il-Gvern tal-Ħaddiema u minflok ma jgħin lil min hu verament fil-bżonn, qed ikompli jgħolli ’l fuq biss lil tal-qalba.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna aktar nies mhux ilaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum, bil-Gvern m’għandux idea ta’ kif jista’ jgħin wara snin iberbaq flus il-poplu. Hu għalhekk li jrid iwassal il-messaġġ li ċ-ċittadini ħaqqhom bidla għall-aħjar fil-kwalità tal-ħajja.

Għaldaqstant, bil-Protesta Nazzjonali tal-Ħadd li ġej, fit-3pm il-Belt, il-Partit Nazzjonalista qed jistieden lil kulħadd biex, bħala poplu wieħed, jitwassal messaġġ kontra s-serq fil-kwalità tal-ħajja.