Lokali

Inawgurat il-bini rinnovat tal-UĦM Voice of the Workers

“Aħna bħala trejdjunjin irridu ngħarfu naqraw ż-żmienijiet u obligati li nirrispondu bis-servizz tagħna, u bl-ideat tagħna għat-tfassil tal-politika specjalment il-politika tax-xogħol.”

Hekk saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella waqt l-inawgurazzjoni tal-uffiċini rinnovati tal-UHM Voice of the Workers, meta fid-diskors tiegħu issellef il-kliem tal-Ministru Louis Galea fil-ftuħ ta’ dawn il-kwartieri fl-1989, meta awgura li l-UHM għandha dejjem tibqa “awtonoma, demokratika u responsabli.”

Għall-inawgurazzjoni tal-immodernizzar li sar fil-bini tal-UĦM, kien hemm preżenti fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

F’diskors li wassal, Josef Vella spjega kif il-UĦM kibret minn żewġ kmamar imdaqsin fi Triq l-Ifran fil-Belt Valletta għal binja sħiħa fi Triq San Tumas fil-Furjana, u matul ż-żmien l-mexxejja tagħha kollha komplew jkabbru din l-union kemm fl-infrastruttura tagħha kif ukoll bħala trejdjunjin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM irrefera għal-Covid-19 bħala grazzja f’dizgrazzja, għaliex min naħa waħda l-mizuri abbinati mal-pandemija xeklu l-andament tax-xogħol u r-ritmu tieghu. Iżda mill-banda l-oħra l-pandemija ġabet magħha żvilupp fis-servizzi online.

Josef Vella għamel referenża wkoll għaz-zgħazagħ ta’ pajjiżna li qed jonqsu mis-servizzi marbutin mal-kostruzzjoni u semma’ l-fatt li l-barranin qed jimlew l-vojt fejn jidhlu nies tas-sengha u teknici.

Huwa qal li tajjeb li nirriflettu ghalfejn ż-żgħażagħ mhux qed jidħlu għal xogħolijiet bhal dawn, filwaqt li tenna li hawn għandna sfida.

Josef Vella appella lill-ħaddiema sabiex ma jieħdux d-demokrazjia industrijali for granted, u jipparteċipaw fiha għax huwa dritt ta’ kullħadd li n-nies ta’ qabilna ċarċru demmhom fih.