Lokali

“Isemmà kunjomi, imma jien m’għandix x’naqsam” – Roderick Galdes dwar l-iskandlu ta’ Transport Malta

Il-Ministru Roderick Galdes qed jghid illi m’ghandu x’jaqsam xejn mal-iskandlu fil-mod kif bdew isiru it-testijiet tal-licenzji tas-sewqan; każ li kien żvelat fil-Qorti b’xhieda ġuramentata.

Meta l-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Roderick Galdes dwar il-każ riċenti ta’ tixħim fi Transport Malta, Galdes assigurana li hu mhuwiex il-Ministru implikat f’dan l-iskandlu. Għalkemm wieħed mill-persuni li ġie mgħejjun sabiex allegatament jgħaddi mit-test tas-sewqan huwa Markus Galdes, in-neputi ta’ Maria Assunta Camilleri.

Il-Ministru Roderick Galdes ikkonferma li l-Prim Ministru, mhux talli għadu ma kkonfermax min hu l-Ministru involut li għamel pressjoni sabiex ċertu persuni jgħaddu mit-testijiet tas-sewqan, iżda lanqas ma kellem lill-Ministri tiegħu dwar dan il-każ serjissimu.

Minkejja li fil-Qorti qed ikomplu joħorġu aktar dettalji dwar dan l-iskandlu fi Transport Malta, Robert Abela ma qalx hux beħsiebu jieħu passi fil-konfront tal-ministru involut, u sa issa … ħadd mill-Ministri tal-Gvern ma ġarr ir-responsabbiltà politika għal dak li kien għaddej fi Transport Malta fl-aħħar snin.

Dan wara li tliet ijiem ilu sar magħruf fil-Qorti kif Direttur ta’ Transport Malta hedded lil wiehed mill-eżaminaturi li jekk applikant partikolari ma kienx se jieħu l-liċenzja biex jibda jsuq tal-linja, “jkollu jwieġeb lill-Ministru hu.”

Mill-indikazzjonijiet li ħarġu sa issa jidher li fost l-applikanti li ġew mgħejuna biex jingħaddu t-test tal-karozza, kien hemm persuni li kienu qed jaħdmu fil-villa tal-Ministru msemmi fil-Qorti, li sa issa, ħadd ma jaf min hu. Għalkemm skont dak li ħareġ fil-Qorti jidher li dawn il-privileġġi kienu qed jingħataw minn għadd ta’ Ministeri.