Għawdex Lokali

It-Tnedija tal-Pjattaforma Diġitali ‘Timeline Gozo’

Il-Pjattaforma Diġitali ‘Timeline Gozo’ ġiet imnedija l-Ġimgħa fiċ-Cesca Boutique Hotel f’Għawdex. Dan kien proġett magħmul b’kollaborazzjoni bejn Harbour Solutions Ltd li huwa l-lead partner u li żviluppaw ukoll il-pjattaforma, il-Kamra tan- Negozju għal Għawdex, u l-Banda Mnarja.

Il-President tal-Kamra Joseph Borg, u ċ-Chairman tal-Gozo Action Group Foundation Joe Cordina għamlu id-diskorsi tal-bidu. Fid-diskors tiegħu Joseph Borg qal li l-pandemija tal-COVID-19 kienet stumentali biex inbidlu ħafna affarijiet. Għenet biex jidħlu għodda ġodda bħal laqgħat virtwali u proċessi diġitali, li llum l-ġurnata huma parti ntegrali minn ħajjitna. L-inġinier Ruben Curmi fil-preżentazzjoni tiegħu ta d-dettalji fuq din il-pjattaforma li ħa tuża l-kunċett ta’ timelines biex tirreklama lil Għawdex.

Wara din il-preżentazzjoni kien hemm diskussjoni fuq l-importanza tad-diġitalizzazjoni għan-negozji u l-għaqdiet mhux governattivi Għawdxin. Ħadu sehem f’din id-diskussjoni l-Viċi President tal-Kamra Michael Galea, Mario Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex, u James Buttigieg, President tal-Banda Mnarja.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, Daniel Borg għamel id-diskors tal-għeluq. Fid-diskors tiegħu Daniel Borg irrimarka li huwa ta’ mportanza vitali li negozji u għaqdiet mhux governattivi Għawdxin jaraw l-importanza tad-diġitalizzazjoni, speċjalment għal negozji f’Għawdex. Dan l-avveniment kien immoderat minn Fiorella Pace.

Dan il-proġett ġie ffinanzjat parzjalment mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali 2014 -2020 taħt il-Leader Programme, u l-NGO Co-financing Fund.