Lokali Qorti

Jerġa’ jingħata l-pleġġ Malti fuq allegat traffikar ta’ droga fl-Italja

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, laqgħet it-tielet talba ta’ John Spiteri għall-ħelsien mill-arrest. Spiteri, ta’ 56 sena mill-Qrendi, kien fost 16 li kienu ġew arrestati f’Diċembru 2021 f’rejd tal-awtoritajiet Taljani msejjaħ “Operation La Vallette” li fih ġew aktar minn 400 kilo droga destinati għall-Italja u Malta. L-Italja qed titlob biex Spiteri jiġi estradit lejn il-pajjiżha sabiex jgħaddi ġuri.

Il-Qorti qalet li l-liġi Maltija tgħid li f’każ ta’ estradizzjoni l-appellant għandu jinħeles mill-arrest jekk ikun fetaħ kawża kostituzzjonali. John Spiteri, li xogħolu huwa bennej huwa mfittex mill-awtoritajiet Taljani biex jiffaċċja akkużi ta’ konfoffa biex jitwettaq reat u traffikar ta’ marijuana.

John Spiteri u 15 oħra kienu ġew arrestati wara li l-awtoritajiet ġudizzjarji fi Sqallija ħarġu mandat t’arrest Ewropew kif ukoll Twissija tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fil-konfront tagħhom wara li allegatament assoċjaw ruħhom ma’ traffikar internazzjonali ta’ droga. L-investigazzjonijiet kienu ilhom għaddejjin erba’ snin.

Fir-rejd ħadu sehem aktar minn 100 uffiċjal tal-pulizija fi ħdan il-Guardia di Finanza u għadd ta’ dipartimenti oħrajn involuti fil-ġlieda kontra traffikar tad-droga. L-arresti saru f’Katanja, f’Ragusa, f’Sirakuża u f’Kalabrija. Wara li Spiteri ġie Malta l-awtoritajiet Taljani talbu lil pajjiżna biex jestradih ħalli jkunu jista’ jgħaddi proċeduri fil-pajjiż.

F’Ġunju li għadda Spiteri tressaq fil-Qorti u ngħata l-ħelsien madankollu baqa’ miżmum arrestat wara li appellat l-Avukat Ġenerali. F’Awwissu il-Qorti tal-Appell Kriminali ħassret id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati u ordnat li Spiteri jerġa’ jitressaq.

Wara li tressaq Spiteri reġa’ nħeles mill-arrest imma wara ftit il-Qorti tal-Maġistrati reġgħet ordnat li jiġi arrestat u li jintbagħat l-Italja. L-avukati tiegħu, Franco Debono u Charles Mercieca baqgħu jippersistu u reġgħu appellaw fejn sostnew li kellu kawża pendenti quddiem il-Qorti ta’ Malta u Spiteri nħeles imma f’Settembru l-Qorti tal-Appell Kriminali ddeċidiet li għandu jiġi estradit u reġgħet ordnat l-arrest tiegħu.

L-istess avukati reġgħu talbu għall-ħelsien mill-arrest fejn irrimarkaw li kien hemm kawża kostituzzjonali pendenti. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta laqgħet it-tielet talba tad-difiża u għalhekk reġa’ nħeles. Spiteri ngħata l-pleġġ taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx f’distanza ta’ inqas minn 50 metru mill-kosta Maltija, li jiffirma l-għassa taż-Żurrieq kuljum, li jkun f’daru bejn il-11pm u s-6am kif ukoll li jiddepożita €20,000 u jagħmel tajjeb b’garanzija personali ta’ €30,000.