Lokali Qorti

Jordan Azzopardi jerġa’ jingħata l-pleġġ

Jordan Azzopardi, reġa ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li f’Lulju kien reġa’ ġie arrestat fil-Madliena waqt operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga. Kien f’Lulju li għadda li Jordan Azzopardi ta’ 32 sena kien reġa’ tressaq il-Qorti wara li nqabad waqt car chase u tressaq il-Qorti fejn ġie akkużat b’pussess u traffikar ta’ droga.

Hu jinsab għaddej ukoll bi proċeduri fuq każ ieħor wara li kien arrestat fl-2019. fuq każijiet preċedenti wkoll dwar droga u kien ingħata l-libertà proviżorja, wara sentejn f’kustodja preventiva f’Awwissu tal-2021. Fuq l-aħħar każ ta’ xahrejn ilu l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras tagħtu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €8,500 u garanzija personali ta’ €11,500.

Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma fl-Għassa tal-pulizija u ma joħroġx mid-dar bejn it-8.00 p.m u s-6.00 a.m. Huwa ġie ordnat ukoll li ma jsifirx. Fuq danl-aħħar każ Azzopardi qed jiġi mixli bi 13-il kap ta’ akkuża, fost oħrajn dik li kellu droga kokaina f’ċirkustanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, saq vettura b’mod perikoluż, ipprova jaħrab lill-Pulizija u bi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-qorti.

Kien il-Ġimgħa 22 ta’ Lulju rċevew informazzjoni li Azzopardi kien għadu kemm kien involut f’attività marbuta mat-traffikar tad-droga. Il-karozza tiegħu ntlemħet qrib Busietta Gardens, fis-Swieqi. Il-Pulizija kienu għalqu t-triq lil Azzopardi li spiċċa biex rriversja, u mar għan-naħa l-oħra tat-triq u għadda minn ħdejn karozza li fiha kien hemm mara bit-tfal, ħabat ma’ vettura oħra, u deher iwaddab xi ħaġa barra mill-karozza.

Finalment huwa nqabad fid-direzzjoni lejn Triq il-Kosta u l-borża li rema’ Azzopardi kien fiha 130 gramma suspettata kokaina. Għal Azzopardi qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Charles Mercieca u Marion Camilleri. Jordan Azzopardi kien arrestat fl-2019.

Sadanittant fir-rejd ta’ tliet snin ilu kienu ġew arrestati 16-il persuna, b’Jordan Azzopardi ikun mixli li kien il-moħħ wara ċirku ta’ traffikar ta’ droga madwar il-pajjiż. Azzopardi kien ingħata l-ewwel pleġġ f’Awwissu tas-sena l-oħra fuq diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €150,000 u terza persuna tagħmillu tajjeb b’depożitu ta’ €50,000.