Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier: Ħamrun u Birkirkara jfittxu li jkomplu bil-bidu perfett

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Iċ-champions Hibernians jiltaqgħu kontra Balzan

Wara l-waqfa minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti kontra l-Estonja u l-Iżrael fi tmiem il-ġimgħa jirritorna l-Kampjonat Premier fejn bejn is-Sibt u l-Ħadd tintlagħab il-ħames ġurnata. Konfronti interessanti bl-aktar li jispikkaw bla dubju huma Ħamrun Spartans kontra Floriana u Birkirkara kontra Valletta.

Ħamrun Spartans vs Floriana

Ħamrun se jkunu qed ifittxu li jestendu l-bidu perfett fl-ewwel erba’ logħbiet fejn kisbu erba’ rebħiet u kkonfermaw il-qawwa tagħhom dan l-istaġun fejn bla dubju li t-tim immexxi minn Branko Nisevic se jkun sfidant ewlieni għar-rebħ tal-unuri. Minn naħa l-oħra Floriana għandhom seba’ punti mill-ewwel erba’ logħbiet fejn fl-aħħar partita rebħu d-derby kontra l-ġirien u rivali Valletta. Il-Greens, għalkemm mhux faċli, se jkunu qed jipprovaw jieħdu tliet punti minn dan il-konfront hekk kif huma qed ikunu segwiti minn Mosta, Valletta u Hibernians li kollha jistgħu jaqbżuhom fil-klassifika.

Il-partita se tintlagħab is-Sibt fit-15:00, fl-Istadium Nazzjonali.

Birkirkara vs Valletta

F’konfront ieħor interessanti, li se jkun qed jintlagħab il-Ħadd fl-Istadium Nazzjonali, Birkirkara jiltaqgħu kontra Valletta fit-15:00.

Bħal Ħamrun, Birkirkara kellhom preċiż l-istess bidu fil-kampjonat fejn kisbu erba’ rebħiet minn daqstant partiti u wkoll bħal Ħamrun skorjaw disa’ gowls u qalgħu wieħed. Valletta minn naħa l-oħra f’dan l-istadju jikkuntentaw ruħhom biss b’rebħa hekk kif s’issa kellhom bidu diffiċli u għandhom biss ħames punti. Il-Beltin rebħu darba biss kontra Pietà Hotspurs u għalhekk kull riżultat inqas minn rebħa jżommhom fil-parti t’isfel tal-klassifika fejn anke jistgħu jinżlu aktar jekk Sirens u Żebbuġ jirbħu l-konfronti tagħhom.

Balzan vs Hibernians

Wara bidu wkoll pożittiv għal Balzan bi tliet rebħiet u telfa, forsi issa waslet l-aktar logħba diffiċli f’dan l-istaġun il-ġdid meta fl-aħħar konfront tal-Ħadd jiltaqgħu kontra ċ-champions Hibernians fil-17:15.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom it-tim immexxi minn Oliver Spiteri kiseb rebħa ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk bil-protagonist jerġa jkun l-akkwist il-ġdid Angel Torres li skorja l-gowl tar-rebħa u raba’ wieħed tiegħu dan l-istaġun. Iċ-champions Hibernians s’issa ddiżappuntaw u rebħu darba biss fejn fl-aħħar logħba ma rnexxielhomx iżommu l-gowl vantaġġ biex spiċċaw sofrew it-tieni telfa tal-istaġun għas-spejjeż ta’ Gżira United. L-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn spiċċa b’rebħa għal Hibernians bl-iskor ta’ 1-0.

Mosta vs Sirens

Is-Sibt fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium Mosta jiltaqgħu kontra Sirens. L-istaġun li għadda dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu kontra xulxin fl-aħħar logħba tal-istaġun fejn meta t-tnejn kienu salvi u l-logħba ma kellha l-ebda interess, kienu Sirens li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2.

Mosta għandhom sitt punti b’żewġ rebħiet u żewġ telfiet u jinsabu fis-seba’ post tal-klassiika punt fuq Valletta u punt taħt Floriana. Minn naħa l-oħra Sirens qegħdin f’pożizzjoni aktar l-isfel u għandhom biss żewġ punti u għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun.

Sta. Lucia vs Gudja United

Wara l-konfront bejn Ħamrun u Floriana fil-17:15 fl-Istadium Nazzjonali Sta. Lucia jaffrotaw lil Gudja United.

Sta. Lucia kellhom bidu diżastruż b’erba’ telfiet minn erba’ fejn il-problemi jidhru li jinsabu f’kull dipartiment fejn skorjaw gowl wieħed biss u sofrew ħdax. Għalkemm għadu kmieni u kollox jista jiġri, ħafna qiegħdin jikkumentaw li se tkun diffiċli għall-Yellows li jsalvaw posthom mal-kbar. Għall-kuntrarju Gudja United kellhom bidu impressjonanti bi tliet rebħiet u draw u jinsabu t-tielet, żewġ punti taħt Ħamrun u Birkirkara.

Żebbuġ Rangers vs Marsaxlokk

Is-Sibt fit-Tony Bezzina Stadium fil-17:15 konfront bejn żewġ neo promoss, Żebbuġ Rangers u Marsaxlokk.

Żebbuġ Rangers u Marsaxlokk it-tnejn se jkunu qed ifitxxu tliet punti biex jitbiegħdu mill-pożizzjonijiet t’isfel biż-żebbuġin jinsabu l-għaxar post b’żewġ punti filwaqt li Marsaxlokk ta’ Pablo Doffo jinsabu t-tnax-il post b’punt wieħed biss. Fl-aħħar logħba, wara li kienu ġejjin minn rebħa kontra Sta. Lucia, Żebbuġ sofrew telfa ta’ 2-1 kontra Gudja United iżda kellhom prestazzjoni tajba u setgħu ħadu xi ħaġa aktar mill-partita. Minn naħa tagħhom ix-Xlukkajri tilfu l-aħħar żewġ logħbiet kontra Ħamrun u Balzan rispettivament iżda minn segwa l-erba’ partiti ta’ Marsaxlokk seta’ jinnota titijieb fil-logħob tagħhom.

Gżira United vs Pietà Hotspurs

Fl-unika partita tal-Ħadd fit-Tony Bezzina Stadium Pietà Hotspurs se jkunu qed jaffrontaw avversarju iebes ieħor hekk kif fl-16:00 jilgħabu kontra Gżira United.

Gżira rebħu l-aħħar konfront kontra ċ-champions Hibernians wara li kienu waqqgħu il-punti f’żewġ draws kontra Marsaxlokk u Gudja. It-tim immexxi minn Daren Abdilla għandu ċans tajjeb li jikseb it-tielt rebħa tal-istaġun anke meta tikkunsidra li se jilgħabu kontra tim li s’issa ddiżappunta bil-kbir. Pietà jinsabu ankrati fl-aħħar post flimkien ma’ Sta. Lucia u bħal dawn tal-aħħar iridu jibdew jakkwistaw il-punti malajr kemm jista’ jkun sabiex ma jerġgħux isibu ruħhom fiċ-Challenge League.