Internazzjonali

L-Afganistan: Studenti maqtula waqt attakk fuq ċentru tat-tagħlim f’Kabul

Mietu talanqas 20 persuna – fil-parti kbira studenti bniet – waqt attakk suwiċida fuq ċentru tat-tagħlim fil-kapitali Kabul. Kważi 30 persuni oħra spiċċaw midruba fis-sit li jinsab fiz-zona ta’ Dasht-e-Barchi, lejn il-Punent ta’ dik il-belt.

L-attakk seħħ f’ħin meta l-istudenti kienu għaddejjin bi prova ta’ eżami għal dħul fl-università, bl-ebda grupp ma’ jassumi responsabbiltà għall-attakk.Ħafna residenti fiz-zona li spiċċat attakkata ġejjin mill-minoranza magħrufa bħala Hazaras u li l-membri tagħha ta’ spiss jispiċċaw mira għat-terroristi tal-ISIS.

L-aggressur li mexxa l-attakk, fil-bidu, kien spara lejn il-gwardjani għassa maċ-ċentru qabel daħal fi klassi bil-forza u tajjar l-isplussivi li kellu fuqu. Mietu mal-ewwel fl-isplużjoni l-bniet li kienu fuq quddiemnett fil-kamra u fejn dak il-ħin kien hemm madwar 600 persuna.

Iċ-ċentru tat-tagħlim inkwistjoni hu kulleġġ privat fejn qed jattendu l-istudenti subien u bniet flimkien ma’ żgħażagħ akbar fl-età. Ħafna mill-iskejjel għall-ibniet fl-Afganistan ilhom magħluqin mindu l-militanti tat-Taliban irritornaw fil-poter matul is-sajf li għadda – iżda numru ta’ skejjel privati baqgħu miftuħin madwar il-pajjiż.