Lokali Qorti

“L-Avukat Ġenerali għandha tirriżenja” – PN

Il-Ministru tal-Ġustizzja kompliċi mal-Avukat Ġenerali biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus

“Dak li ġie żvelat dalgħodu mill-għaqda Repubblika dwar id-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali fir-rigward tal-każ tal-Bank Pilatus hu konferma oħra ta’ kemm l-Avukat Ġenerali qegħda, b’mod konsistenti, tabbuża mill-kariga tagħha.

Hu inaċċettabbli li l-Avukat Ġenerali tieħu deċiżjonijiet bil-moħbi li bihom tfixkel jew saħansitra ġġib fix-xejn il-ħidma li jkun wettaq Maġistrat Inkwirenti f’każ daqstant skandaluż.”

Sostna dan id-Deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina fejn saħaq li bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard spiċċa kompliċi mal-Avukat Ġenerali biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus. Pajjiżna spiċċa għandu Ministru tal-Ġustizzja li moħħu biex jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu bl-iskuża redikola li l-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu. Fi kliemu stess, il-Ministru tal-Ġustizzja qed jammetti li hu qiegħed hemm għalxejn. Bih u mingħajru xorta.

Huwa saħaq li għalhekk, l-Oppożizzjoni tisħaq li Victoria Buttigieg għandha tirriżenja minnufih mill-kariga ta’ Avukat Ġenerali. Aktar ma Victoria Buttigieg iddum ma tirriżenja, aktar se tkompli ssir ħsara lill-istituzzjoni tal-Avukat Ġenerali u lill-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja f’pajjiżna.

“Bħala Oppożizzjoni, intennu wkoll il-proposta tagħna li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Avukat Ġenerali għandha tkun maħtura bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament u wara sejħa pubblika. B’hekk biss tista’ l-kariga ta’ Avukat Ġenerali ta’ pajjiżna, bħala istituzzjoni mwaqqfa bil-Kostituzzjoni, tibda terġa’ tikseb ir-rispett u l-kredibbiltà li jixirqilha u min jokkupa l-kariga jkun jista’ jwettaq id-dmirjiet Kostituzzjonali bħala l-Uffiċjal Prosekutur Ewlieni b’mod effettiv, responsabbli u professjonali.”