Lokali Parlament

Proposta mill-PN għal emenda fil-Kostituzzjoni kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-età

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ippropona li tiddaħħal emenda fil-Kostituzzjoni biex tinqata’ d-diskriminazzjoni bażata fuq l-età.

Din il-proposta l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha meta kien qed jitkellem fil-Parlament tal-Anzjani li ltaqa’ fil-parlament. Il-Parlament tal-Anzjani kien organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani u kien inidirizzat minn esponenti tad-diversi għaqdiet tal-anzjani kif ukoll entitajiet oħra li jaħdmu fis-settur tal-anzjani.

Il-Parlament kien indirizzat ukoll mill-Ministru għall-Anzjanità Attiv Jo Etienne Abela. Għall-Oppożizzjoni tkellmet ukoll id-deputat Nazzjonalista u Kelliem għall-Anzjani Paula Mifsud Bonnici.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-imħabba lejn l-anzjani trid tingħadda b’impenn poitiku kontinwament mhux biss meta jkun hemm problema. Bernard Grech semma’ ż-żieda fil-kirjiet u l-mod kif diversi anzjani tkeċċew minn djarhom minħabba din is-sitwazzjoni waqt li oħrajn kellhom imorru quddiem il-qrtai.

L-anzjani huma dawk li ppermettew passat u li l-pajjiż isir indipendenti, repubblika u jissieħeb fl-UE; għamluna nazzjon kburi, sostna Bernard Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ l-għajnuna li l-anzjani jagħtu fit-trobbija tal-ulied u qal li ħadd m’għandu jabbuża minn dik l-għajnuna li għandha tingħata vaur bħala parti mis-suċċess tal-ekonomija tal-pajjiż.

Hu enfażizza l-importanza li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fis-servizzi li jingħataw l-anzjani u ppropona li fil-Kostituzzjoni għandha tiddaħħal ukoll emenda biex ħadd ma jkun diskriminat minħabba l-età tiegħu.

L-anzjan għandu dritt għad-dinjità u r-rispett u għall-kwalità tal-ħajja tiegħu, sostna Bernard Grech, li qal li l-anzjani taw ħafna u għalhekk il-pajjiż għandu jtiehom lura.

Id-deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Paula Mifsud Bonnici tkellmet dwar l-awtonomija tal-anzjani u appellat lill-Gvern biex jikkonsulta dwar l-anzjani. Jekk il-Gvern qed jikkunsidra t-tagging f’San Vinċenz, allura għandu jikkonsulta biex jekk idaħħal din is-sistema, ma titnaqqasx id-dinjità tal-anzjani, sostniet Paula Mifsud Bonnici.

Hi qalet li anki fost l-anzjani jeżisti l-prekarjat minħabba li hemm anzjani li qed ikollhom joħorġu jaħdmu bi prekarjat. Jeżisti wkoll disktakk kbir bejn il-pensjoni tal-irġiel u dik tan-nisa bil-konswegnza li l-faqar jirriżulta aktar fost in-nisa.

Jeħtieġ struttura dwar kif tingħata għajnuna diretta għall-anzjani fosthom b’tim ta’ professjonisti. Għandu jitwaqqaf ukoll fond biex jgħin lill-anzjani li jkunu tilfu kollox, sostniet Paula Mifsud Bonnici.