Internazzjonali

Russja: Putin iħabbar erba’ reġjuni tal-Ukrajna bħala ‘parti minn pajjiżu’

Il-President tar-Russja Vladimir Putin ħabbar erba’ reġjuni tal-Ukrajna bħala territorji ġodda tar-Russja — l-istess bħalma kien għamel fil-każ tal-Krimea, fl-2014. Dan il-pass hu kkunsidrat bħala mija-fil-mija illegali skont il-liġi internazzjonali.

Putin kien qed jitkellem waqt ċerimonja speċjali fil-Palazz tal-Kremlin ta’ Moska, fejn qal li r-residenti tar-reġjuni għamlu l-għażla ċara għall-futur u li huma jridu jgħixu taħt is-sovranità tar-Russja.

Sadanittant, il-Gvern Ukren u l-Punent qalu li bl-ebda mod mhuma se jaċċettaw ir-riżultati tar-referendums li saru fir-reġjuni u li ħarġu b’dan ir-riżultat qarrieqi…Referendums li l-Ukrajna u l-Punent qed ifissruhom bħala ‘eżerċizzju finta’.

Ir-reġjuni maħtufa u annessi mir-Russja huma Donetsk, Luhansk, Kherson u Zaporizhzhia.

Il-proċess formali biex ir-reġjuni jispiċċaw inkorporati fil-Federazzjoni Russa għandu jseħħ matul il-jiem li ġejjin.

Wara d-diskors minn Putin, il-mexxejja tar-reġjuni rispettivi ( li nħatru minn Moska) ffirmaw id-dokumenti formali fis-sala ewlenija fejn saret iċ-ċerimonja – u waqt li l-udjenza fis-sala nfexxet f’għajjat ta’ ‘Russja, Russja’. Id-dokumenti kienu ffirmati wkoll minn Putin, li baqa’ fuq mejda għalih waħdu u ‘il bogħod minn dawn il-mexxejja.

Qabel l-iffirmar, Vladimir Putin għamel diskors irrabjat fejn ikkundanna lill-Punent dwar ‘il-persekuzzjoni kontinwa’ ta’ pajjiżu.’

Filwaqt li din ma kenitx l-ewwel darba li Putin waħħal fil-Punent għall-problemi tar-Russja, hu, permezz ta’ dan id-diskors, ipprova jressaq aktar skużi għalfejn pajjiżu ddeċieda li jieħu azzjoni biex jokkupa lill-Ukrajna.

Vladimir Putin irrefera għall-Punent bħala ‘entità li trid tbiddel lir-Russja f’kolonja’ minbarra li tagħti isem ħażin lir-Russi.’ Hu, permezz tad-diskors, qal ukoll li l-Punent mhux jippermetti li r-Russja teżisti fil-libertà kollha u li ‘il-potenzi barranin iridu jaraw lir-Russi bħala ‘skjavi’.

Vladimir Putin dejjem kien iqis il-kroll tal-eks Unjoni Sovjetika bħala l-akbar katastrofi tas-seklu l-ieħor, bl-osservaturi qed jaraw li l-President Russu qed jagħmel minn kollox biex jiddefendi l-azzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, Putin qed jipprova jwassal il-messaġġ li r-Russja mhux talli qed tiġġieled kontra l-Ukrajna iżda anki kontra l-pajjiżi tal-Punent.

Intant, Putin irrepeta li l-Punent ilu jipprova jġib lir-Russja għar-rkubbtejha mit-tmiem tal-Unjoni Sovjetika, kmieni fis-snin disgħin. Hu tenna li l-Punent irid li jieħu kmand tar-Russja permezz tal-kambji l-ġodda u l-iżviluppi teknoloġiki – u fejn ħareġ bl-akkuża li l-Punent qed jaħseb biex jelimina l-kultura tar-Russja.

Punt ieħor li qajjem Putin kienet  ‘l-għira tal-Punent għar-Russja’ minħabba li hi pajjiżu hu sinjur ħafna fil-minerali u riżorsi oħra.

Dan meta l-ekonomija tar-Russja ilha milquta bis-sanzjonijiet mill-invażjoni tal-Ukrajna fi Frar li għadda – u meta l-Unjoni Ewropea qed tipprova ssib il-mezzi alternattivi biex tieħu l-gass bil-għan li ma tibqax timporta r-riżors mingħand ir-Russi.

Waqt id-diskors,. Putin anki insista li l-Ukrajna għandha tieqaf mir-reżistenza u tirritorna madwar il-mejda tan-negozjati. Fl-istess waqt hu enfasizza li ċ-ċittadini ta’ Luhansk, Donetsk, Zaporizhzhia u Kherson issa fformalizzaw l-għażliet li jsiru parti mir-Russja u li Moska ‘mgħandhiex tirtira mill-proċess ta’ annessjoni’.