Internazzjonali

Stati Uniti: Jikkalkulaw il-qerda u l-mejtin dovuti għall-Uragan Ian

L-Awtoritajiet fl-Istat ta’ Florida għadhom ma jafux kemm mietu b’kaġun tal-elementi tal-Uragan Ian li ħalla wied ta’ straġi meta għadda straxxnat mit-territorji f’dawn l-aħħar jiem.

Il-ħsarat tal-uragan huma ovvji – bil-mewġ tal-baħar qawwi litteralment jixħet id-dgħajjes fit-toroq ta’ Fort Myers, bil-moll ta’ Naples jinqasam min-nofs taħt il-qilla tal-maltemp.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden wissa li ‘Ian’ – li laqat l-inħawi nhar l-Erbgħa bħala maltempata ta’ kategorija erba’ – kapaċi jkun l-akbar u l-agħar uragan fl-istorja ta’ Florida.

Dan meta fl-aħħar sigħat, fi Florida, irrankat il-ħidma ta’ search and rescue waqt li l-uragan kien qed javvanza għal fuq North Carolina ( u sussegwentement South Carolina).

S’issa laħqu nħelsu ‘il fuq minn 700 ruħ minn Charlotte County u Lee County li huma l-agħar bnadi milquta fi Florida.

Min-naħa tiegħu, il-Gvernatur ta’ Florida, Ron DeSantis, wissa li dawk iż-żewġ counties spiċċaw ‘maqtugħin mill-provvista tal-elettriku’ u bis-sitwazzjoni qed taffettwa lil xi 2.2 miljun dar u stabbiliment kummerċjali madwar l-Istat.

Ron DeSantis, fl-istess ħin, ma jridx li jispekula dwar l-ammont ta’ nies li setgħu tilfu ħajjithom fi Florida fost l-impatt tal-uragan.Lanqas mhu ċar kemm fadal residenti ta’ Florida li jinsabu fi ħtieġa ddisparata għall-għajnuna.

Hemm anki l-probabbiltà li żewġ gżejjer (barrier islands) ‘il hinn mill-kosta ta’ Florida, intlaqtu minn maltemp li l-qilla tiegħu kien fuq livell ‘Bibbliku’.

Sallum jidher li hemm talanqas għaxar mejtin, bl-awtoritajiet lokali ma jindikawx kemm, fil-fatt, setgħu mietu nies b’riżultat dirett tal-uragan.

Dan wara li ħafna residenti fi Florida spiċċaw jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt wara li djarhom infaqa’ bl-għargħar – u fost sitwazzjonijiet fejn in-nies kellhom jgħumu mit-toroq lejn inħawi aktar sikuri.

Ix-xenarji ‘apokalitiċi’ madwara Florida mhumiex jonqsu, b’numru kbir ta’ toroq jinbidlu fi xmajjar u b’ħafna pontijiet jispiċċaw meqrudin għal kollox mill-elementi tal-Uragan Ian.

L-elementi tal-uragan, fl-istess ħin, qerdu komunitajiet sħaħ ta’ mobile homes fid-diversi zoni ta’ Florida.