Lokali

AĠĠORNATA: Tarbija tweġġa’ gravi f’inċident li fih kienu nvoluti seba’ persuni

Tarbija ta’ erba’ xhur tweġġa’ gravi f’inċident f’San Pawl il-Baħar li fih kienu nvoluti seba’ persuni.

L-inċident seħħ, għall-ħabta tas-2:00pm, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Tuffieħa, San Pawl il-Baħar, fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Vitz u Skoda Fabia.

Il-karozza Toyota Vitz kienet qed tinstaq minn mara ta’ 71 sena residenti l-Imġarr, u passiġġiera fiha kien hemm Ingliża ta’ 19-il sena.

Ix-xufier tal-vettura Skoda Fabia kien Taljan ta’ 45 sena. Fl-istess karozza kien hemm passiġġieri żewġ nisa ta’ 67 u 36 sena, raġel ta’ 69 sena u tifla ta’ 4 xhur.

Tim mediku kien imsejjaħ fil-post sabiex jassisti, u permezz ta’ diversi ambulanzi ttieħdu l-Isptar Mater Dei l-erba’ passiġġiera li kienu fl-iSkoda u x-xufiera tat-Toyota, filwaqt li membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu ukoll fil-post sabiex jassistu.

Il-mara ta’ 71 sena residenti l-Imġarr ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi. Intant, il-mara ta’ 67 sena u t-tifla ta’ erba’ xhur li kienu fil-karozza l-oħra ukoll ġew iċċertifikati bi ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara ta’ 36 sena u r-raġel sofrew ġrieħ ħfief.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.