Internazzjonali

Ukrajna: Kundanna għal attakk qattiel fuq konvoj ta’ ċivili

Il-Gvern tal-Ukrajna u diversi pajjiżi tal-Punent ikkundannaw bla riservi azzjoni mill-militar tar-Russja fuq konvoj ta’ ċivili li ħalliet bejn 20 u 30 mejtin fl-inħawi ta’ Zaporizhzhia.

Ma kienx eskluż li l-ammont tal-mejtin jiżdiedu fis-sigħat li jmiss u meta lbieraħ kienet għaddejja investigazzoni fis-sit.

L-attakk fuq il-konvoj ħalla anki numru sinifikanti ta’ midruba, b’kollox qed jindika li l-bumbardament partikulari kien speċifikat biex jeqred għal kollox lil dan il-konvoj.

L-atroċità seħħet f’ħin meta l-konvoj kien qed iħejji biex jivvjaġġa lejn il-parti ta’ Zaporizhzhia li hi okkupata mir-Russi u bil-għan li jwassal l-għajnuna umanitarja f’dik iz-zona. Kien hemm ukoll il-ħsieb li jingħaqdu aktar ċivili mal-konvoj li minn hemmhekk, kien mistenni jivvjaġġa lejn il-belt ta’ Kherson.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-qawwiet Russi sparaw talanqas 20 missila lejn dawk l-inħawi ta’ Zaporizhzhia ‘f’għodwa waħda biss’ – bit-truppi tal-Kremlin jibbumbardjaw anki r-reġjuni ta’ Mykolaiv Oblast u Dnipropetrovsk.

Zelensky qal li attakki bħal dawn jistgħu jsiru biss minn Stat terrorista ( b’referenza għar-Russja) u li azzjonijiet bħal dawn ma jmisshom isiru qatt fid-dinja ċivilizzata.

Intant, l-uffiċjali f’Zaporizhzhia li qegħdin jappoġġjaw lir-Russja qegħdin iwaħħlu fil-qawwiet Ukreni għal dan l-attakk.