Lokali

1,300 għadhom qed jistennew post tal-housing

1,300 hija c-cifra ta’ persuni f’Malta li għadhom qed jistennew post tal-Housing. Dan ifisser li 1,300 persuna li jaqalgħu inqas minn 10,000 ewro fis-sena għadhom ifittxu saqaf permanenti fuq rashom.

Dan ġie kkonfermat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, meta l-Ġimgħa filgħodu Net News staqsih dwar din il-problema, fejn hafna ilhom snin jistennew post tal-Gvern, u anke ġew imwiegħda qabel l-elezzjoni li għaddiet.

F’Jannar li għadda, Roderick Galdes kien ftahar bil-fatt li f’pajjizna 80% tan-nies huma sidien ta’ darhom. U skont hu, allura, m’ghandniex problemi qawwija ta’ housing – meta fil-verità, il-lista ta’ stennija għal post tal-Gvern għadha waħda sostanzjali.

Apparti dan, Galdes ftaħar li bħalissa qiegħed isir investiment u qegħdin jitħabbru diversi inċentivi ġodda. Iżda naqas milli jgħid li għalkemm il-waiting list għal post tal-housing naqset – ħafna minnhom għadhom ma daħlux fil-post imwiegħed lilhom, għaliex il-post għadu mhux abitabbli.

Fl-aħħar xhur bosta nies li tkellmu magħna saħqu li ilhom jiġu mwiegħda post biex imorru joqgħodu fih saħansitra sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Bir-risposta tal-Gvern Laburista tkun waħda – li l-ittra tal-allokazzjoni ta’ post intbagħtet- madanakollu xorta waħda l-post għadu mhux abitabli.

Minn naħa tiegħu, Ivan Bartolo il-Kelliem tal-PN għal Akkomodazzjoni Soċjali fakkar kif il-Gvern wiegħed li l-lista ta’ persuni li qed jistennew post tal-housing kellha tispiċċa kompletament. Iżda sal’lum nafu li din kienet biss wegħda oħra tal-PL għaliex numru sostanżjali ta’ applikanti għadhom qed jistennew post għall-housing, kif kkonfermalna Roderick Galdes.

Id-deputat Nazzjonalista qalilna li meta applikant jibdel l-indirizz tad-dar, il-file tiegħu jingħalaq awtomatikament u alura jitqaċċat mil-lista.