Futbol Sport

Ħamrun Spartans meritatament jegħlbu lil Floriana

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S………..2

FLORIANA…………0

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, M. Guillaumier (V. Freitas 82’), L. Montebello, J. Soares (E. Bruno 70’), R. Prsa, O, Bjelicic, J. Corbalan (S. Xerri 90+2), J. Roberts (E. Mashike 70’), E. Marcelina, R. Camenzuli.

Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend (C. Z. Lonardelli 85’), C. Rutjens, O. El Hasni, Z. Cassar, E. Juarez (A. Ciolacu 46’), M. Garcia (A. Garzia 85’), L. Trillo (K. Nwoko 74’), J. Busuttil, E. Hershkovic (L. De Grazia 46’), K. Reid

Imwissija: E. Juarez 10’ (F)

Skorja: M. Guillaumier 3’, E. Mashike 77’ (Ħ)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Luke Portelli u James Muscat

BOV Plejer tal-Logħba: Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Jonny Do Nascimento (Ħamrun Spartans)

B’gowl f’kull taqsima Ħamrun Spartans għelbu lil Floriana 2-0 biex b’hekk irreġistraw il-ħames rebħa minn daqstant partiti. Ħamrun iddominaw f’dak li hu pussess u ftit ħallew spazju lill-plejers ta’ Floriana li l-konklużżjonijiet tagħhom lejn il-lasti ta’ Bonello kienu limitati.

Għaddew biss tliet minuti u Ħamrun marru fil-vantaġġ. Ħarba veloċi tal-Brażiljan Jonny mal-lemin li daħal fil-kaxxa avversarja u wara li qabeż difensur qassam lejn in-nofs fejn kien hemm Roko Prsa li b’finta ħalla l-ballun lil MATTHEW GUILLAUMIER li b’xutt fil-baxx għeleb lil Kitanov. Fis-6 minuta Ħamrun reġgħu kienu perikolużi meta minn azzjoni personali Dodo prova xutt minn barra b’Kitanov wettaq save tajjeb u dawwar f’korner. Fit-23 minuta żball difensiv ta’ Hershkovich, bil-ballun jispiċċa għand Jonny li prova xutt mill-viċin li iżda kien devjat f’korner. F’okkażjoni rari mill-Greens fit-42 minuta Kemar Reid irnexxielu jaqbeż lil Marcelina fil-kaxxa iżda minn qagħda angulata falla l-mira u tefa’ għoli. L-ewwel taqsima tintemm b’Ħamrun fil-vantaġġ bl-iskor ta’ 1-0.

Mill-bidu tat-tieni taqsima Ħamrun kienu mill-ewwel perikolużi meta fid-49 minuta mill-kross ta’ Guillaumier kien Montebello li b’xutt mill-ewwel impenja lil Kitanov li kellu jdawwar f’korner. Fit-68 minuta Montebello jiżbalja l-passaġġ lura tiegħu bil-ballun jiġi għand is-sostitut Andrei Ciolacu li wara li avvanza prova xutt minn barra li Bonello kellu jtajjar b’diffikultà. Erba’ minuti wara Elvis Mashike javvanza mal-linja u jqassam lejn in-nofs fejn sab lil Ryan Camenzuli li x-xutt tiegħu kien imdawwar f’korner minn Kitanov. Ħamrun għamluhom tnejn fis-76 minuta meta Magri Overend b’pass lura tefa’ lil Kitanov f’diffikultà, bil-goalkeeper Bulgaru jipprova jtajjar iżda l-ballun ħabat ma’ ELVIS MASHIKE li baqa jinsisti u prova xutt fil-baxx bil-ballun jaħbat mal-wieqfa u jidħol fix-xibka. Fid-79 minuta l-akkwist il-ġdid Lorenzo De Grazia għoddu ħasad lil Bonello minn barra l-kaxxa iżda x-xutt tiegħu kien imdawwar f’korner mill-goaklkeeper Internazzjonali Malti. L-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tisfira finali u Ħamrun ħadu tliet punti oħra u estendew il-bidu perfett tagħhom fil-kampjonat.

Ryan Camenzuli jippreżenta bukkett fjuri lill-membru tas-Supporters Club ta’ Floriana qabel il-partita (Ritratt: Joseph Galea)