Għawdex Lokali

“Il-futur tal-kumpanija tal-Gozo Channel u tal-ħaddiema huwa wieħed inċert u dan qed iqajjem tħassib kbir” – PN

L-Għawdxin u l-ħaddiema tal-Gozo Channel għandhom bżonn is-serħan il-moħħ

Informazzjoni  li għandu f’idejh il-Partit Nazzjonalista tindika li hemm pjanijiet li l-Gozo Channel ser tiġi ipprivitizzata.

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Alex Borg u mill-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo ingħad kif din l-informazzjoni qed tinkwieta mhux biss lill-Partit Nazzjonalista imma wkoll lill-ħaddiema u lil dawk kollha li jagħmlu użu minn dan is-servizz.

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għamlu sensiela ta’ mistoqsijiet. Fost oħrajn isaqsew jekk tfasslux pjanijiet biex jinbidel il-mudell tan-negozju attwali li qed jintuża, kif ukoll xi studji u kunsultazzjoni saret.

Peress li l-Gozo Channel hija l-life link bejn Malta U Għawdex fejn ir-residenti ta’ Għawdex kif ukoll dawk kollha li jżuru u jagħmlu negozju hemmhekk jiddependu kompletament minn dan is-servizz essenzjali. Il-Partit Nazzjonalista jifhem l-importanza tal-Gozo Channel mhux biss bħala negozju iżda wkoll bħala servizz essenzjali li jipprovdi għall-għajxien tal-familji Għawdxin. Huwa għalhekk li l-poplu jixraqlu li jkun jaf kemm il-pjani fit-tul kif ukoll dawk immedjati għal Gozo Channel.

Il-kelliema saqsew jekk hux minnu li ġew abbozzati pjani biex il-gvern jipprivatizza l-Gozo Channel? Huwa minnu li tfasslu pjani biex jinbidlu l-Portijiet taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr f’Għawdex? X’ser isir mill-ħaddiema li huma impjegati kemm direttament kif ukoll indirettament mal-Gozo Channel? Il-Gozo Channel se tkun parti mit-tnaqqis fil-baġit li ġie mwiegħed mill-Gvern? Jekk iva x’inhuma r-riperkussjonijiet ta’ dan it-tnaqqis? Il-Gozo Channel se jgħaddi mill-istess destin tal-Air Malta? Kien hemm studji li saru biex jiġi stabbilit jekk dan is-servizz essenzjali għandux bżonn jiġi privatizzat?

Saqsew ukoll jekk hemmx ħaddiema impjegati full time mal-Gozo Channel u ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratturi għall-istess Gozo Channel li qed jagħmlu l-istess xogħol iżda jitħallsu b’mod differenti u għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol differenti?

Il-Kelliema saħqu li fid-dawl tal-inċertezzi li jeżistu anke għal dan is-settur il-Gvern irid jagħti tweġibiet ċari. Tweġibiet li għandhom jagħtu assigurazzjoni anke lill-konnettivitá bejn iż-żewġ gżejjer.