Lokali

Il-PN isellem lill-anzjani u jwiegħed li jibqa’ jżommhom fiċ-ċentru tal-politika tiegħu

Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Anzjani, il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-anzjani kollha ta’ pajjiżna u jisħaq li dawn għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħna biex jingħataw id-dinjità u l-għajnuna kollha li tixirqilhom għal ħajja aktar komda.

Sostniet dan id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici fejn saħqet li sfortunament, skont l-aħħar ċifri, fl-2021 irriżulta li kważi 30% tal-anzjani Maltin u Għawdxin jinsabu f’riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali, bil-qagħda finanzjarja tagħhom fl-aħħar xhur kompliet tiggrava minħabba ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, l-aktar fil-prezzijiet tal-ikel u tal-mediċini.

Hija saħqet li din is-sitwazzjoni hi inkwetanti aktar meta l-Gvern jagħżel li jinjora din ir-realtà minflok ma jindirizza l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-anzjani.

Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu wkoll fid-dawl ta’ diversi rapporti ta’ abbużi li qed isiru fuq l-anzjani. Filwaqt li jikkundanna kull tip ta’ abbuż, ġej minn min ġej, il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Liġijiet ta’ pajjiżna għandhom jipproteġu aktar lill-persuni vulnerabbli.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jħaddan politika favur anzjanità attiva, li permezz tagħha, l-anzjani jibqgħu attivi fid-dinja tax-xogħol u anke fis-soċjetà wara li jirtiraw, b’ħafna minnhom illum qed jagħżlu wkoll li jagħmlu xogħol volontarju fis-soċjetà.

Il-Partit Nazzjonalista sellem lil dawn l-anzjani, kif ukoll lil dawk kollha li jiddedikaw il-ħin tagħhom biex jieħdu ħsieb l-anzjani ta’ pajjiżna fid-djar residenzjali u anke fid-djar privati.